Ġużè Chetcuti (Bormla, 11 ta' Awwissu 1914 - 18 ta' Lulju 2006) kien poeta u awtur Malti.

Ġużè Chetcuti
Ritratt Ġużè Chetcuti
Ħajja
Twelid Bormla, 11 Awwissu 1914
Nazzjonalità Kolonja ta' Malta
Stat ta' Malta
Malta
Mewt 18 Lulju 2006
Post tad-dfin Ċimiterju tal-Addolorata
Edukazzjoni
Lingwi Malti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni kittieb
poeta
ħaddiem taċ-ċivil
uffiċjal tal-informazzjoni

Edukazzjoni u karriera

immodifika

Ġużè Chetcuti studja fl-Iskola Ċentrali ta’ San Albert fil-Belt Valletta u wara fil-Kulleġġ tal-Għalliema fil-Belt ukoll. Kien daħal mas-servizz ċivili fl-1936 bħala għalliem fl-iskejjel primarji u sentejn wara ngħata l-kariga ta’ store officer mad-Dipartiment tas-Saħħa. Fl-1940 meta faqqgħet il-gwerra, issieħeb fl-istaff editorjali fl-Information Office bħala sub-editor u traduttur tas-Service Bulletin u tal-Malta Review. Fis-snin tal-gwerra kien wieħed mit-tliet xandara uffiċjali. Huwa kien reġa’ ssieħeb fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni u għallem il-Malti l-Liċeo (1956 - 1974) u għal sentejn ta lectures tal-Malti fil-Mater Admirabilis Training College f’Tal-Virtù u fl-Upper Secondary School (Sixth Form). Għallem ukoll fl-Emergency Teachers’ Maturity Course u għal ħafna snin kien eżaminatur tal-Malti f’eżamijiet taċ-Ċivil, eżamijiet oħra pubbliċi, u diversi drabi f’konkorsi letterarji.

Awtur u Poeta

immodifika

Ġużè Chetcuti kien fundatur tax-Xirka għat-Tixrid tal-Ilsien Malti (1939) flimkien mat-tabib Ġużè Bonnici u l-Avukat Anton Buttigieg. Huwa ħadem għall-Malti u għal-letteratura Maltija fi żminijiet diffiċli ħafna, mhux biss fi żminijiet meta li tħobb il-Malti kien meqjus bħala diżunur imma anki fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Fis-snin tal-gwerra mill-1940 sal-1948 kien Segretarju tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti (illum magħrufa bħala l-Akkademja tal-Malti). Kien ukoll sub-editor tar-rivista letterarja ‘Il-Malti’, ta l-għajnuna tiegħu għal snin twal fil-pubblikazzjoni tar-rivista letterarja ‘Leħen il-Malti’ maħruġa mill-Università ta’ Malta, Viċi President (1990 - 1992), President Onorarju (1998 - 1999), u President tas-sottokumitat fi kwistjonijiet ta’ ortografija. Huwa kien ukoll membru Onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin, kien membru fil-Kunsill u Segretarju tal-‘Malta Drama League'.

Il-proża ta’ Chetcuti hija waħda realista u uża l-letteratura biex fuq kollox mexxa ’l quddiem il-kawża tal-fqir u bla skola. Fir-rumanzi tiegħu, Chetcuti juri ċar il-konsegwenzi tal-faqar fuq il-bniedem. Rumanzi bhal “It-Tnalja”, “L-Isqaq”, “Il-Kerrejja” u bosta novelli tiegħu għandhom jitqiesu bħala manifest ċar u realistiku dwar soċjetà fil-qabda ta’ bidla soċjali li ħalliet il-vittmi. U Chetcuti kien ir-ritrattist u d-difensur letterarju tagħhom. Ir-rumanzi u d-drammi ta’ Chetcuti taw xhieda tal-ħajja popolari f’pajjiżna u għamlu dan b’realiżmu poetiku mill-aqwa. Bosta mill-kitbiet letterarji ta’ Ġużè Chetcuti jibqgħu jitqiesu fost il-kapolavuri tal-letteratura Maltija. Fihom wera ruħu wkoll kittieb imnebbaħ mill-valuri tal-ġustizzja soċjali u tal-karità Nisranija.

Chetcuti kien ukoll esponent importanti tal-poeżija romantika f’Malta. Għanna ġmiel il-pajjiz. Ħabb 'il-bdiewa u l-ħajja sempliċi. Kiteb dwar l-imħabba u setgħetha. L-inkwiet u l-ferħ tal-ħajja. Il-patrijottiżmu u l-fidi. L-ifjen poeżiji tiegħu żammew bilanċ delikat bejn il-qawwa tal-kelma Maltija u l-ħeġġa tal-istħajjil Mediterraneu.

Chetcuti ħadem ukoll biex il-poplu jifhem il-letteratura u għalhekk ħareġ ukoll kotba ta’ kritika. Aspett ieħor li m’għandux jintesa hu Chetcuti t-traduttur. Hu qaleb għall-Malti xogħlijiet ta’ Vincenzo Maria Pellegrini, Giovanni Curmi u dramm ta’ Henrik Ibsen.

Fost l-għadd kbir ta’ kotba li ħarġu mill-pinna ta’ Chetcuti hemm “Id-Dawl tal-Ħajja”, “L-Isqaq”, “Poeti Maltin”, ix-xogħlijiet għall-palk jinkludu “Il-Kerrejja”, “Imħuħ Morda”, “Manwela”, u “1919”, kif ukoll bosta studji kritiċi, novelli, traduzzjonijiet, kitbiet ta’ taħriġ fil-grammatika Maltija, kif ukoll il-kotba awtobijografiċi li fihom laqqagħna ma’ bosta awturi ta’ żmienu kif ukoll m’oħrajn minn ġenerazzjonijiet li ġew wara.

Xogħlijiet ta’ Chetcuti nqalbu wkoll għall-Ingliż u l-Għarbi.

Il-poplu Malti għaraf ħidmietu meta fl-1996 għażlu biex ikun membru tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu.

L-aħbar tal-mewt tiegħu tħabbret fuq il-mezzi tax-xandir u fil-ġurnali kollha li taw tagħrif bijografiku dwar ħajtu u l-ħidma kbira u qawwija tiegħu fil-friegħi kollha tal-letteratura Maltija. Charles Flores, poeta u Editur Letterarju ta’ l-orizzont, qal “Miet l-aħħar Ġgant Letterarju”.

Alfred Sant, Mexxej tal-Partit Laburista, ex-Prim Ministru u awtur qal li “Ġużè Chetcuti baqa’ mimli ħeġġa u interess fil-ħajja nazzjonali.” Sant qal li Chetcuti kien għalliem tiegħu li mas-snin sar ukoll ħabib kbir. “L-imħabba li kellu għal-letteratura u l-ilsien Malti kienet dejjem sors mill-aqwa ta’ ispirazzjoni għalija u għall-ġenerazzjoni tiegħi, kif ukoll għal dawk li ġew qabilna u warajna. Kien bniedem umli u ħabrieki, ġentili ħafna f’imġibtu, għalliem dedikat. Kien entużjast għall-ħidma letterarja li rnexxielu jagħtiha, matul is-snin, dimensjoni soċjali. Baqa’ dejjem għaddej bi proġetti ġodda ta’ kitba u tagħrif.”

Monsinjur Victor Grech, Direttur tal-Caritas li mexxa ċ-ċerimonja funebri fil-Knisja ta’ Stella Maris, waqt l-omelija tiegħu sejjaħ lil Ġużè Chetcuti “Warda tal-Letteratura Maltija”.

Dawn jinkludu in-novelli: Id-Dawl tal-Ħajja (1996), Imħabba u Mewt (1961), L-Isqaq (Best Novel of the Year 1962—ġie tradott għall-Ingliż fl-1971 minn Maud Ruston), It-Tnalja (1963), Nirien ta’ Mħabba (1967), Qabel Telghet ix-Xemx (1987), Manwela (1993), It-Teżor ta’ Dun Natal (1996) u Ġrajjiet mill-Ħajja ta’ Kappillan (1999) u Kiefer id-Destin ma’ Nina Roza (1999).

Kiteb ukoll l-antoloġiji/ġabriet tal-poeżiji: Poeżiji (1945), Melita Invicta (1945), Poeżiji Marjani (1953), Il-Ħajja Nżul u Tlajja’ (1964), Il-Lingwa ta’ l-Imħabba (1993), l-oratorju muzikali Marija Immakulata’(1994) u Poeti Maltin (1973).

Ħareġ id-drammi: Il-Kerrejja (1963), lmħuħ Morda (1965), Manwela (1979), 1919 (1987), Il-Għadu tal-Poplu (1987) u Giuditta ta' Dott. Carmelo Mifsud Bonnici (Il-Gross, 1996).

Kiteb l-kollezzjonijiet ta' stejjer qosra: Martin u Novelli Oħra (1991), Il-Mandraggara u Stejjer Ohra (1980), L-Imħatra u 24 Novella Oħra (1991) u t-Tabib Fonzin (1994).

Jinkludu wkoll xogħlijiet kritiċi u lingwistiċi: Dwar Il-Poeżija Maltija (1946), Studji Kritici Giovanni Curmi, Ninu Cremona (1956), Traduzzjonijiet u Komponimenti (1959), Taħriġ għall-Eżamijiet tal-Malti (1973), Tgħallem Il-Malti f’Għoxrin Lezzjoni (1982), Nirien ta’ Mhabba: Noti għall-Matrikola Avvanzata (1984) u Stilistika Maltija u Movimenti Oħra (1985).

Ħareġ it-traduzzjonijiet minn xogħlijiet letterarji barranin: Irmied (mill-poeżiji Taljani ta' G. Curmi’s, 1965), Epistolarju Romantiku (ukoll minn G. Curmi, 1965), Il-Martri (minn V. M. Pellegrini, 1967) u L-Għadu tal-Poplu (mid-dramm ta' H. Ibsen’s, 1987).[1]

  1. ^ "Chetcuti, Guze - The National Archives of Malta". arkivji.org.mt. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2024-04-21. Miġbur 2024-04-21.