Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Rindirizzat minn Kunsill tal-UE)

Fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-ministri tal-gvern minn kull pajjiż tal-UE jiltaqgħu biex jiddiskutu, jemendaw u jadottaw il-liġijiet, u jikkoordinaw il-politiki. Il-ministri għandhom l-awtorità li jimpenjaw lill-gvernijiet tagħhom biex iwettqu l-azzjonijiet li jkun intlaħaq qbil dwarhom fil-laqgħat.[1]

Flimkien mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill huwa l-fergħa ewlenija tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE.[1]

M’għandux jiġi konfuż ma':

  • il-Kunsill Ewropew - summits trimestrali, fejn il-mexxejja tal-UE jiltaqgħu biex jistabbilixxu d-direzzjoni ġenerali tat-tfassil tal-politika tal-UE
  • Il-Kunsill tal-Ewropa- mhux entità tal-UE.

X’jagħmel il-Kunsill?

immodifika
  • Jinnegozja u jaddotta liġijiet tal-UE, flimkien mal-Parlament Ewropew, abbażi ta' proposti mill-Kummissjoni Ewropea
  • Jikkoordina l-politiki tal-pajjiżi tal-UE
  • Jiżviluppa l-politika barranija u ta' sigurtà tal-UE, abbażi ta' linji gwida tal-Kunsill Ewropew
  • Jiffirma ftehimiet bejn l-UE u pajjiżi oħra jew organizzazzjonijiet internazzjonali.
  • Jadotta l-baġit tal-UE - flimkien mal-Parlament Ewropew.

Kompożizzjoni

immodifika

Ma hemmx membri fissi tal-Kunsill tal-UE. Minflok, il-Kunsill jiltaqa' f'10 konfigurazzjonijiet differenti, fejn kull waħda tikkorrispondi għall-qasam ta' politika li jkun se jiġi diskuss. Skont il-konfigurazzjoni, kull pajjiż jibgħat il-ministru responsabbli għal dak il-qasam ta’ politika.[1]

Pereżempju, meta ssir il-laqgħa tal-Kunsill dwar l-affarijiet ekonomiċi u finanzjarji (il-“Kunsill ECOFIN”), jattendu l-ministri tal-finanzi ta' kull pajjiż.[1]

Min imexxi l-laqgħat?

immodifika

Il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin għandu president permanenti - ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà. Il-laqgħat l-oħra kollha tal-Kunsill huma mmexxija mill-ministru rilevanti tal-pajjiż li jkollu l-presidenza b'rotazzjoni tal-UE.[1]

Pereżempju, kull laqgħa tal-Kunsill Ambjent fil-perjodu meta l-Estonja jkollha l-presidenza tkun immexxija mill-Ministru tal-Ambjent Estonjan.[1]

Il-konsistenza ġenerali hi żgurata mill-Kunsill Affarijiet Ġenerali - appopġġat mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti. Dan hu magħmul mir-Rappreżentanti Permanenti għall-UE tal-pajjiżi tal-UE, li huma, fil-fatt, l-ambaxxaturi nazzjonali tal-UE.[1]

Il-pajjiżi taż-żona tal-euro

immodifika

Il-pajjiżi taż-żona tal-euro jikkoordinaw il-politika ekonomika tagħhom permezz tal-Grupp tal-Euro li jikkonsisti mill-ministri tal-ekonomija u tal-finanzi tagħhom. Huwa jiltaqa’ fil-jum ta’ qabel il-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji. Il-ftehimiet milħuqa fil-laqgħat tal-Grupp tal-Euro jiġu deċiżi b’mod formali fil-Kunsill l-għada, fejn il-ministri tal-pajjiżi taż-żona tal-euro biss jivvutaw dwar dawk il-kwistjonijiet.[1]

Kif jaħdem il-Kunsill?

immodifika

Id-diskussjonijiet u l-voti kollha jsiru fil-pubbliku.[1] Biex jgħaddu, id-deċiżjonijiet normalment jirrikjedu maġġoranza kkwalifikata :[1]

  • 55% tal-pajjiżi (b'27 membru attwali, dan ifisser 15-il pajjiż)
  • li jirrappreżentaw tal-inqas 65% tal-popolazzjoni totali tal-UE.

Biex tiġi blokkata deċiżjoni, huma meħtieġa tal-anqas 4 pajjiżi (li jirrappreżentaw tal-inqas 35% tal-popolazzjoni totali tal-UE).[1]

Eċċezzjoni - temi sensittivi bħall-politika barranija u t-tassazzjoni jirrikjedu vot unanimu (il-pajjiżi kollha favur).[1]

Il- maġġoranza sempliċi hi rikjesta għal kwistjonijiet proċedurali u amministrattivi.[1]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d e f ġ g h ħ i ie europa.eu,Kunsill tal-Unjoni Ewropea