Academia.eduAcademia.edu

Yves Congar (1904-1995)

2018, Pauline Dimech (ed.), Il-Vuċi Quddiem il-Misteru. Teoloġi ta’ Żmienna

Flimkien ma' Fr Stefan, saċerdot djoċesan, u Lekċerer fi l-Fakulta' tat-Teoloġija, se nkunu qed niddiskutu lil Yves Congar. X'rabta hemm bejnek u dan it-teologu, kif sirt tafu, x'relazzjoni hemm bejnietkom?

KAP 4 YVES CONGAR (1904-1995) Stefan M. Attard Pauline: Flimkien ma’ Fr Stefan, saċerdot djoċesan, u Lekċerer fil-Fakulta’ tatTeoloġija, se nkunu qed niddiskutu lil Yves Congar. X’rabta hemm bejnek u dan it-teologu, kif sirt tafu, x’relazzjoni hemm bejnietkom? Stefan: Meta kont qed nistudja t-teoloġija ġejt ovvjament espost għall-ħsieb ta’ Congar u dejjem impressjonani għaliex il-kitbiet tiegħu kienu qishom vivaċi u kien dejjem innovattiv fil-mod kif jesprimi ruħu. Għalhekk, waqt li kont qed nagħmel il-kors tal-Liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali, iddeċidejt li niffoka fuqu biex nifhem aktar il-kontribut li hu ta lill-Knisja, li fil-fatt kien kontribut enormi. Inti ghidt illi nafu sew imma naħseb li ma nafux biżżejjed għaliex dejjem tibqa’ tiskoprih. Pauline: Kull teologu kbir qatt ma tiskoprih għalkollox. Għidilna ftit min kien. Stefan: Yves Congar kien teologu Dumnikan Franċiż li għex mill-1904 sal1995 u fl-aħħar ġie ukoll maħtur Kardinal mill-Papa Ġwanni Pawlu ~ 58 ~ TEOLOĠI TA’ ŻMIENNA II minħabba l-kontribut tant kbir li ta lit-teoloġija li, ovvjament, kienet inħasset fil-Konċilju Vatikan II. Congar għex, bħal ħafna teoloġi oħrajn ta’ żmienu, f ’dawk id-diffikultajiet u l-bidliet kbar li l-Knisja kienet għaddejja minnhom fis-snin erbgħin, ħamsin u sittin tas-seklu li għadda. Pauline: U, ovvjament, id-dinja, mhux il-Knisja biss, għaliex il-gwerer affettwaw lil kull teologu ta’ dak iż-żmien bħala bnedmin. Stefan: Eżattament. Fil-fatt hu għadda miż-żewġ esperjenzi tal-Gwerer Dinjija, però dak li jaffaxxinani dwaru huwa l-fatt li għadda minn tensjoni anke fir-rigward tal-Knisja, jiġifieri ma kienx teologu li sab kollox faċli. Kien innovattiv u l-ideat tiegħu ma ġewx kollha aċċettati mill-ewwel, qisu mingħajr problemi. Anzi, kellu kemm xejn oppożizzjoni wkoll. Fil-fatt, għamel xi 10 snin ta’ ħajtu, mill-1946 sal-1956 għaddej minn diffikultajiet u, biex ngħidu hekk, oppressjoni. Pauline: Forsi nistgħu ngħidu wkoll li anke fuq livell personali, jidher li kellu sclerosis illi bata minħabba fiha għal snin twal. Stefan: Dan il-fatt qatt ma kont naf bih! Pauline: Iva, lejn l-aħħar ta’ ħajtu kien magħdur ħafna, imma l-kundizzjoni kienet bdiet pjuttost kmieni fil-ħajja tiegħu. X’nafu dwar il-mod kif żviluppa l-ħsieb tiegħu? Taf xi ħaġa fuq fejn studja, għalfejn kien ikkonċernat ~ 59 ~ IL-VUĊI QUDDIEM IL-MISTERU b’dawk il-kwistjonijiet teoloġiċi partikolari, li fil-fatt imbagħad sab soluzzjoni għalihom? Stefan: Jiena naħseb illi, anke qabel ma nikkunsidraw fejn studja, l-interessanti huwa fejn twieled, cioè f ’Sedan fi Franza, li kien post fejn kien hemm kemm Kattoliċi kif ukoll Insara Riformati. Allura, Congar ġie millewwel espost għal realtà ta’ Knisja illi mhix biss il-Knisja Kattolika. Sa miż-żgħożija tiegħu ġie mrobbi f ’sens ta’ Knisja b’mod profond. Ġie espost għal din ir-realtà miftuħa ta’ Knisja, ta’ xi tfisser tkun Knisja. Imma huwa mbagħad għamel studju Le Saulchoir. Id-Dumnikani kienu ġew imkeċċijin minn hemm fl-1905 u mbagħad ittrasferew ruħhom filBelġju, iżda aktar tard ġew lura Franza, f ’Pariġi. Congar għamel ukoll diversi esperjenzi f ’Ġerusalemm u postijiet oħra. Pauline: Le Saulchoir kienet skola tat-teoloġija Dumnikana mill-aktar magħrufa u importanti f ’dan iż-żmien fl-Ewropa, li twaqqfet bil-ħsieb li ssaħħaħ it-tradizzjoni Tomista. Stefan: Hekk hu. U infatti, Congar xorob ħafna minn Tumas ta’ Akwinu, ovvjament, għax kien Dumnikan. Pauline: Jidhirli li t-teżi tad-dottorat tiegħu kienet fuq Tumas ta’ Akwinu. Stefan: Però anke qabel dik it-teżi, hija impressjonanti li anke bħala tema talpreparazzjoni tiegħu għas-saċerdozju għażel il-kliem ta’ Ġesù minn ~ 60 ~ TEOLOĠI TA’ ŻMIENNA Ġwanni 17:21: ‘li jkunu lkoll ħaġa waħda’. Naraw li l-ħsieb ta’ Congar sa mill-bidu beda jtambar fuq l-unità, l-unità li kien esperjenza fil-prattika fil-ħajja tiegħu u li taha importanza. Għandna niftakru li, fi żmienu, kien hemm ukoll dak li kien imsejjaħ il-Moviment Ekumeniku, li fil-fatt kien beda qablu iżda li, bil-ħidma ta’ Congar u teoloġi oħrajn miegħu, ħa spinta kbira ’l quddiem. Pauline: Il-kliem ta’ Ġesù fl-aħħar ċena kif inhu ppreżentat fil-Vanġelu ta’ San Ġwann influwenzah biex jaħdem fil-Knisja l-aktar (mhux biss!) fil-qasam tal-għaqda bejn l-Insara. Stefan: Fil-fatt huwa jenfasizza l-idea tas-sagramentalità tal-Knisja għaliex filKnisja li hija sagrament naraw, b’mod viżibbli, din l-għaqda bejn l-Insara li hija xhieda anke fis-sens missjoloġiku u evanġeliku tal-Knisja. Hu enfasizza l-fatt li l-Knisja mhix xi ħaġa li għandna nistudjaw biss millaspett ta’ x’inhi fiha nfisha, u dan anke fir-rigward ta’ fejn jidħol Alla, għaliex sa żmienu t-teoloġija kienet – b’mod predominanti – tiffoka fuq Alla x’inhu fih innifsu, u l-Knisja x’inhi fiha nfisha. Kienet titkellem fuqhom kważi daqs li kieku kienu xi realtajiet li tista’ tqegħedhom ġewwa kaxxa u tanalizzahom b’mod individwali u iżolat. Iżda Congar dejjem ħares lejn l-aspett relazzjonali, anke f ’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla. Per eżempju, kien jinteressah x’inhu l-impatt uman li Alla għandu, li għandha r-reliġjon, li għandha l-Knisja. Il-mistoqsija, għalhekk, hija dwar kif dawn ser jinfluwenzaw lill-bniedem. U għalhekk, anke xi ħaġa li tidher żgħira iżda li hija sinifikattiva ħafna, hija l-fatt li hu kien jippreferi juża l-kelma ‘persuna’ milli ‘individwu,’ għaliex il-kelma individwu qisha tirreferi aktar għal realtà li hija fiżika, magħluqa fiha nfisha, u li għandha ċerta limitazzjonijiet. Mill-banda l-oħra, il-kunċett ~ 61 ~ IL-VUĊI QUDDIEM IL-MISTERU ta’ persuna għandha marbuta magħha sens ta’ relazzjoni, komunjoni, u ftuħ. Dan kollu rridu narawh ukoll fil-kuntest tal-emfażi fi żmienu li kien hemm fuq il-personaliżmu. Però anke min jittraduċi l-kitbiet ta’ Congar mhuwiex dejjem konxju ta’ din il-ħaġa. Spiss jużaw il-kelma individwu flok persuna, imma hu jibda mill-persuna biex imbagħad jiftaħha għarrealtà tal-Knisja, għaliex dejjem jara’ l-persuna f ’relazzjoni mal-Knisja. Inti ma tistax tiddiskuti l-persuna waħedha (jew in-nisrani waħdu) – bħala entità maqtugħa għaliha nfisha. Pauline: Kieku jkollok tgħid liema huma l-kotba l-iktar importanti, biex anke l-qarrejja tagħna, jekk jieħdu interess, forsi tagħtihom parir dwar minn fejn jibdew jaqraw. Stefan: L-ewwel xogħol prinċipali tiegħu kien Chrétiens Désunis: Principes d’un ‘oecuménisme’ Catholique fl-1937 dwar insara mifrudin. Hemmhekk ippreżenta l-problema ekumenika. Ipprova jifformulaha mill-aspett Kattoliku biex jifhem eżattament x’inhi l-problema u kif il-Knisja Kattolika tqiegħed lilha nfisha f ’din is-sitwazzjoni prekarja. Ir-risposta għaliha ġiet iktar tard, fi ktieb li kien jismu Dialogue between Christians: Catholic Contributions to Ecumenism. Hemmhekk ipprova joħroġ b’risposta aħjar għal din il-problema ta’ nuqqas ta’ unità. Imbagħad, per eżempju, interessanti kemm huwa sinċier il-ħsieb tiegħu u dan kienu jarawh anke teoloġi oħrajn fis-sens li huwa ma kienx qed jipprova jimponi xi bidla sempliċiment biex ikun hemm bidla. Wieħed mill-kotba tiegħu kien jismu Vraie et Fausse Réforme dans l’Église, (Paris: Editions du Cerf, 1950) u f ’relazzjoni ma’ dan hemm ukoll il-ktieb La Tradition et les traditions: Essai Historique, (Paris, 1960) fejn ta risposta għallProtestantiżmu li forsi mhux dejjem apprezza s-sens tat-tradizzjoni talKnisja. ~ 62 ~ TEOLOĠI TA’ ŻMIENNA Pauline: U dan ukoll kien ktieb importanti ħafna li affettwana ħafna. Illum nagħmlu ħafna distinzjoni bejn Tradizzjoni li niktbuha bl-ittra T kbira u t-tradizzjonijiet żgħar li bihom u mingħajrhom l-kristjaneżmu jibqa’ l-istess, għaliex ma jmissux il-fundament tar-reliġjon. Stefan: Fejn tidħol fil-fatt it-Tradizzjoni bl-ittra T kbira, kif għedt int, Congar kien parti minn dak il-moviment ta’ ħsieb imsejjaħ Ressourcement, fejn kulħadd beda jmur lura għat-tagħlim tal-bidu, cioé, it-teoloġi bdew imorru lura għall-ewwel ħsibijiet tal-Knisja, is-Santi Padri li kienu importantissimi u fundamentali. Naħseb li wieħed mill-kontributi kbar ta’ Congar kien propju li għen il-Knisja terġa’ tara lilha nfisha fid-dawl tas-Santi Padri (qaddisin u kittieba tal-ewwel sekli tal-Knisja, magħrufin bħala l-Missirijiet tal-Knisja), u għalhekk fid-dawl ta’ dik il-viżjoni friska u sabiħa ta’ għaqda u ta’ ħajja, u anke ta’ Knisja kariżmatika li qed tgħix l-aspett kariżmatiku, anke pnewmatoloġiku fejn hemm il-preżenża talIspirtu Qaddis li hu tkellem ħafna fuqu. Kien hemm ukoll enfażi inqas fuq il-ġerarkija, mhux għax Congar ma jagħtihiex il-post tagħha anzi jirrispetta anke ħafna l-ġerarkija u hija xi ħaġa li jipprova jiddiskuti, per eżempju l-Papat u l-Episkopat. Però dejjem jara’ l-affarijiet f ’ambitu aktar wiesa’. Fejn jidħol l-Ispirtu s-Santu, ktieb importanti – anzi huwa tliet volumi – tiegħu kien Je Crois en l’Esprit Saint ( Jiena nemmen fl-Ispirtu s-Santu) illi kien probabilment kapulavur tiegħu. Jiena dħalt l-iktar fih peress li t-teżina tiegħi kienet fuq il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu fil-persuna kif l-Ispirtu s-Santu jimmarkana u jagħtina karattru nisrani. Dan il-ktieb kien partikolarment interessanti għalija. Imma Congar enfasizza wkoll li l-Ispirtu s-Santu jaħdem kemm fil-persuna individwali kif ukoll filKnisja flimkien, jiġifieri ma nistgħux narawhom separatament. Ktieb ieħor importanti huwa The Mystery of the Temple, or the Manner of God’s Presence to His Creatures from Genesis to the Apocalypse (Il-Misteru tat~ 63 ~ IL-VUĊI QUDDIEM IL-MISTERU Tempju) li jerġa’ jittratta l-aspett tal-Knisja, b’mod li donnu huwa dejjem itambar fuq il-Knisja, imma jipprova jħares lejn il-Knisja minn għajnejn friski. Pauline: Għal uħud din tista’ tkun xi ħaġa stramba, għaliex it-teoloġija normalment aħna niddefinuha bħala diskors dwar Alla. Imma imbagħad l-Ekkleżjoloġija hija parti integrali mit-teoloġija. Hux vera? Stefan: Hekk hu, għaliex il-Knisja hija espressjoni konkreta tal-preżenza ta’ Ġesu fid-dinja. U hawnhekk anke Congar jidħol fiha din it-tema. Fil-fatt, jitkellem fuq il-Knisja bħallikieku hemm epiklesi kontinwa tal-Ispirtu s-Santu (jiġifieri, talba biex l-Ispirtu s-Santu jinżel fuq il-Knisja, kif jinżel fuq l-offerti tal-ħobż u l-inbid fl-Ewkaristija). Għaldaqstant, il-Knisja mhix xi ħaġa li waqqaf Ġesù elfejn sena ilu u li aħna rridu b’xi mod jew ieħor nippruvaw insiru membri tagħha, irridu nidħlu fiha, u ladarba nidħlu fiha allura kollox sew, qisu issa għandna ċ-ċertifikat meħtieġ. Le, għalih, il-preżenza tal-Ispirtu s-Santu hija preżenza attiva li kontinwament qiegħda tittrasforma l-Knisja u tirriformaha, u anke bil-koperazzjoni tiegħi mal-Knisja bħala parti ħajja mill-Knisja, jiena qed nikkontribwixxi biex din il-Knisja tkompli tiġi żviluppata, tkompli tikber, u tkompli timxi lejn dik li fit-teoloġija jsejħulha l-pleroma (fullness). Hu jinsisti ħafna fuq din il-ħaġa ta’ ‘fullness’ li anke, f ’ċertu sens, għandna nimxu lejha. Imma l-kariżmi ta’ kull persuna qed jikkontribwixxu biex dan il-ġisem ta’ Ġesu li huwa sagrament fid-dinja – għaliex permezz tiegħu Ġesu jkompli jwettaq l-ħidma tiegħu fuq din l-art – ikompli jidher b’mod ċar lid-dinja kollha. ~ 64 ~ TEOLOĠI TA’ ŻMIENNA Pauline: Hekk hu fil-fatt. Yves Congar huwa wieħed minn dawk it-teoloġi talaħħar seklu illi tant kiteb. Qrajt x’imkien li, meta għamlu ġabra talkitbiet tiegħu Aidan Nichols u Pietro Quattrocchi, ġabru 1,800 test. Jiġifieri dan mhux bħal min ikun kiteb 5 artikli interessanti matul ħajtu u daqshekk. Ħajtu kollha għaddej jikteb, ħajtu kollha jipproduċi. Stefan: F’ċertu sens anke l-bidliet enormi li kien hemm fil-Knisja, kif qed tgħid int fil-Knisja u fis-soċjetà, naħseb għenu biex Congar anke jkun iktar produttiv. Nistgħu ngħidu li kienu qegħdin jagħtuh anke l-ideat u joffrulu sfidi ġodda biex ikompli jirrifletti u jimmatura l-ħsieb tiegħu. Per eżempju, waħda mill-affarijiet kbar li hu nsista fuqha nsibuha f ’wieħed mill-kotba li kiteb. Kien proprju – Jalons pour un théologie du laïcat, bl-Ingliż, Lay People in the Church: A Study for a Theology of Laity. L-idea prinċipali tiegħu f ’dan il-ktieb jirrigwarda bidla importanti filmod kif nifhmu l-lajkat. Qabel, il-Knisja kienet tara l-lajċi bħala nies li qegħdin hemm biex jirċievu l-kura pastorali mill-ġerarkija: kif se nieħdu ħsiebhom dawn biex jibqgħu tfal tajba, jew isiru tfal tajba, u jsiru wkoll qaddisin? Kien hemm l-idea li l-Knisja qegħdha hemm fuq u li qiegħdha tipprova tagħmel xi xogħol fil-ħajja tan-nies komuni, waqt li mill-banda l’oħra, Congar jaqleb dak il-ħsieb totalment u jdaħħal il-lajċi fil-qalba tal-Knisja fejn huma persuni totalment involuti fil-ħajja ekkleżjali, filħajja komunitarja u li għandhom rwol importanti anke fis-sens ta’ fejn tidħol, per eżempju, l-infallibiltà. Dan huwa kunċett sabiħ: ma jarax l-infallibiltà bħala xi ħaġa tal-Papa biss, li għandu xi prerogattiva, li għandu xi dritt li jkun infallibli. Hija sens anke tal-poplu kollu kemm hu. Huwa inkwantu l-Papa jirrappreżenta l-komunità, illi b’mod singulari għandu din l-infallibiltà. Fir-realtà, din l-infallibità hija tal-komunjoni kollha, l-infallibiltà tal-Knisja kollha. ~ 65 ~ IL-VUĊI QUDDIEM IL-MISTERU Pauline: Tixbah ħafna lis-sensus fidelium ta’ Newman. Jiena wkoll ninnota f ’dawn it-teoloġi ta’ dawn l-aħħar sekli, illi huma down to earth ħafna, saqajhom mal-art, anke għaliex għexu l-esperjenza tal-gwerra. Ħa nagħti eżempju. Congar kien priġunier tal-gwerrra fit-Tieni Gwerra Dinjija. Bħala priġunier tal-gwerrra – interessanti ħafna – jgħidlek: kien Colditz u anke f ’xi ħabs ieħor. Wara l-gwerra kienu tawh il-medalja Médaille des Évadés għax kien wieħed mill-iktar nies li pprova jaħrab mill-ħabs. Dawn għexu! Dan vera Dumnikan, patri. Timmaġinah magħluq ġol-kunvent, b’biċċa karta quddiemu, jikteb ir-riflessjonijiet tiegħu. Imma, fil-verità, dawn għexu l-ħajja ta’ kuljum, it-tbatija anke tal-bniedem ta’ kuljum u naħseb anke sofrew bħala Nouvelle Théologie jiġifieri r-Ressourcement, li semmejt anke inti, ġiegħelhom ibatu fil-Knisja, għax ma kinux mifhuma. Però, f ’moħħhom kellhom dejjem din l-idea ta’ relevanza. Irridu inkunu relevanti għall-bniedem tal-lum. Stefan: Naqbel miegħek tassew. U, fil-fatt, din hi xi ħaġa li Congar dejjem insista fuqha: il-fatt li għandna nippruvaw nifhmu d-dinja kif qed tinbidel, u kif nistgħu b’xi mod jew ieħor, mhux inbiddlu l-Knisja – il-Knisja hi dejjem il-Knisja, u tibqa’ sostanzjalment l-istess entità – però nifhmu ż-żminijiet preżenti u li nadattaw ruħna għalihom, biex nesprimu ruħna aħjar anke b’mod teoloġiku, u b’mod effettiv, ħalli l-Knisja tkompli tikber. Din hi xi ħaġa sabiħa ħafna. Insemmi wkoll, Pauline, il-fatt li minkejja dawn id-diffikultajiet li kien hawn fid-dinja, kien hawn ukoll diffikultajiet oħra, cioè gwerra minn ġewwa, kif semmejt qabel fil-Knisja stess. Għal xi żmien, il-Knisja irreżistiet l-idea tal-ekumeniżmu. Qisu ma apprezzathiex mill-ewwel. Darba minnhom, Congar ried jipparteċipa f ’Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes, iżda s-Sant’Uffizzju speċifikament ordna li l-Kattoliċi ma setgħux jipparteċipaw fih. Din kienet daqqa ta’ ħarta enormi għax-xogħol li kien qed jagħmel, mhux għax ma kienx ~ 66 ~ TEOLOĠI TA’ ŻMIENNA jista jattendi għal-laqgħa, imma kienet daqqa ta’ ħarta kbira għal-ħidma kollha tiegħu, għat-teoloġija tiegħu, u għall-ħsieb tiegħu. Imma huwa inkuraġġanti l-fatt li, imbagħad, il-Papa Ġwanni XXIII, biex ngħidu hekk, wera r-rikonixximent profond tiegħu lejn dan it-teologu kbir, meta għażlu bħala wieħed mill-persuni, mit-teoloġi, li kellhom jikkontribwixxu għall-formulazzjoni tad-dokumenti tal-Konċilju. Pauline: U fil-fatt, huwa meqjus bħala wieħed mill-iktar persuni influwenti matul il-Konċilju. Stefan: Fil-fatt, influwenza tmienja mis-sittax-il dokument tal-Knisja. Jiġifieri, mhux qed nitkellmu fuq impatt żgħir. Jekk naraw, per eżempju, l-importanza tiegħu f ’Lumen Gentium, fejn għandek l-idea sħiħa talpoplu ta’ Alla li terġa’ toħroġ b’mod qawwi. Hemmhekk jitkellem ħafna wkoll, l-influwenza tiegħu tidher fil-kunċett tal-logos spermatikos, fejn jitkellem fuq Alla li huwa preżenti f ’kull persuna, il-Kelma ta’ Alla hi preżenti f ’kull persuna, u li kull persuna hija diġà minnha nfisha miftuħa għall-grazzja u miftuħa għas-salvazzjoni. Pauline: U mhux f ’kull persuna biss; il-kunċett huwa li anke f ’kull ġrajja li sseħħ fid-dinja, matul l-istorja, anke meta, normalment, ma narawhiex b’għajnejn teoloġiċi. Bil-viżjoni teoloġika nagħrfu li l-Ispirtu ta’ Alla kien qiegħed jaħdem. Stefan: U tarah ukoll fil-preżenza anke tal-lajċi. L-enfasi bdiet issir fuq il-poplu ta’ Alla, u mhux biss fuq Knisja li hi ġerarkija u lajċi. It-tibdil ta’ mentalità ~ 67 ~ IL-VUĊI QUDDIEM IL-MISTERU kien spint ħafna minn Congar fejn l-enfasi kienet fir-realtà biblika, l-espressjoni biblika tal-poplu ta’ Alla, li hu dejjem miexi. Dan il-kunċett tal-poplu ta’ Alla, kien jesprimi aħjar l-unità ta’ kulħadd, jew pjuttost l-ugwaljanza ta’ kulħadd, għaliex ilkoll għandna l-istess dinjità, imma flistess ħin hemm ukoll diżugwaljanza fil-funzjoni tagħna. Jigifieri: aħna kollha l-poplu ta’ Alla, imma kulħadd ghandu rwol differenti. Pauline: Hemm diversità ta’ funzjonijiet mingħajr ma tagħmilna inqas minn xulxin. Fil-fatt, jiena bħala lajka inħossni kważi obbligata lejn teoloġi bħal Congar, illi ħarġu din ir-realtà b’mod tant ċar. Stefan: Il-ħasra hi li għalkemm il-ħsieb ta’ Congar ġie magħġun fid-dokumenti tal-Konċilju Vatikan II, l-effetti ta’ dan il-Konċilju għadhom ma nħassux biżżejjed. Pauline: Fil-fatt, hu jgħid li ċerti punti għadhom mhux żviluppati biżżejjed, għaliex anke fil-Konċilju nnifsu ma kienx hemm il-possibiltà li tiżviluppa kollox b’mod sħiħ. Stefan: Però, kien hemm diġà bidla pjuttost kbira – almenu l-mod kif inħarsu lejn illajċi huwa differenti immens minn kif konna nħarsu lejhom qabel is-sittinijiet. Pauline: Teoritikament naħseb li din il-bidla seħħet. Il-pass seħħ ghax Congar, u teoloġi bħalu, enfasizzaw il-lajkat imma fil-prattika naħseb li għad baqgħalna ħafna x’nimxu. ~ 68 ~ TEOLOĠI TA’ ŻMIENNA Stefan: Għadna qed niskopruhom imma hija xi ħaġa li Congar qatt ma qata’ qalbu minnha. Dejjem baqa’ jenfasizza l-importanza tagħha. Pauline: Naturalment, ċerti xogħlijiet ta’ Congar ilhom li ġew tradotti. Interessanti ħafna, imma, li ċerti xogħlijiet oħra qed jiġu tradotti f ’dan iż-żmien. U issa f ’ċertu sens qegħdin niskopru aħjar min kien dan itteologu. Ta’ min jinnota li x’uħud mill-kitbiet li l-iktar ħallew effett kienu d-djarji tiegħu. Per eżempju għandna djarju tiegħu tal-Konċilju, li huwa tassew interessanti. Jiena verament ma qrajtux minn qoxra sa qoxra imma għandna napprezzaw xogħlijiet bħal dawn li jkunu riflessjoni diretta ta’ dak li jkun qiegħed iseħħ f ’episodju, fi ġrajja, għax il-Konċilju kien ġrajja kbira li ġabar tant nies flimkien u li ddiskutew certu temi li qabel kienu taboo, u iddiskutuhom b’għajnejn universali u mhux biss b’għajnejn Taljani, kif ħafna drabi kien jiġri qabel. Dawn id-djarji huma mitqlu deheb u ġew tradotti, b’hekk wieħed jista’ wkoll jaqrahom bl-Ingliż, u mhux necessarjament bil-Franċiż. Kieku inti jkollok tgħid x’effett ħalla dan it-teologu u dan ix-xogħol tiegħu illi taħseb li mhux ser jintemm, li ser jibqa’, u li se jibqa’ apprezzat, kemm fuq livell akkademiku u kemm fuq livell pastorali, lejn fejn tmur? Stefan: Naħseb illi l-ewwelnett, mill-aspett metodoloġiku, hija l-importanza li nerġgħu niskopru l-qofol tal-Missirijiet tal-Knisja. Dik il-għajn hija waħda li qatt ma nixorbu biżżejjed minnha. Hija sfortuna illi ħutna l-Protestanti donnhom ma japprezzawhiex biżżejjed. Riċenti kelli konverżazzjoni ma’ wieħed Evanġeliku li tkellem fuq il-Missirijiet tal-Knisja bħallikieku qishom it-trabi tal-Knisja għax kienu għadhom ma żviluppawx biżżejjed tagħlim fuq xi temi ta’ ċertu importanza. Mentri aħna narawhom ~ 69 ~ IL-VUĊI QUDDIEM IL-MISTERU bħala l-ġganti tal-Knisja. U Congar uriena kemm huma ġganti għaliex sfortunatament matul iż-żmien il-Knisja tilfet l-orjentament l-iktar importanti tagħha, u nqasmet f ’din ir-realtà ta’ mudell fejn għandek ilġerarkija bbażata bħala soċjetà bil-lajċi taħtha. Pauline: Li qegħdin jircievu servizz minn fuq. Stefan: Eżattament. Congar, apparti din l-importanza li jagħti lill-Missirijiet talKnisja, għandu l-idea anke ta’ Knisja miftuħa. Din naħseb li hija l-iktar ħaġa mportanti, fl-opinjoni tiegħi: li inti, biex titkellem fuq il-Knisja trid dejjem taraha bħala realtà illi qiegħda hemm għall-oħrajn. Mhix qiegħda hemm għaliha nfisha. U aħna ġeneralment, it-tendenza tagħna f ’kull livell tal-Knisja, hija li nippruvaw insibu ċertu sens ta’ sigurtà, billi niddefinixxu l-Knisja u nieqfu hemm. Imma Congar jidher li dejjem ippreżenta dik l-isfida li għadna ma wasalniex fejn suppost qegħdin. Naturalment ma nħossuniex komdi b’idea bħal din, għaliex nippreferu xi ħaġa magħluqa, lesta, spjegata, u li nistgħu mbagħad niddefinuha b’mod ċar. Iżda, sakemm għandna dejjem l-isfidi li jkomplu jippreżentaw lilhom infushom lill-Knisja, Congar qed jgħidilna li l-Knisja trid tkun dejjem realtà miftuħa illi hija fi djalogu mas-soċjetà. Tant hu hekk, li hu kien apprezzat immens għall-potenzjal kbir li kellu għad-djalogu. Din hija xi ħaġa li spikkat ħafna fil-ħajja tiegħu. Ovvjament hija xi ħaġa li rridu nitgħallmu ħafna minnha, għaliex it-tendenza hija li ningħalqu fina nfusna u fir-raġunamenti tagħna, mingħajr ma verament nippruvaw nifhmu x’għandhom x’joffru l-oħrajn. Dan japplika wholl għall-kunċett tal-verità li hemm fil-Knejjes l-oħrajn, u l-għana tat-tradizzjonijiet tagħhom. Hemm bżonn li aħna napprezzawhom u ninfetħu għalihom. Ma nistax ma nsemmix il-Knisja tal-Lvant illi minnha Congar ġie influwenzat ħafna u f ’dan ir-rigward enfasizza ħafna dik li bir-russu ~ 70 ~ TEOLOĠI TA’ ŻMIENNA tissejjah sobornost illi fir-realtà tiġi tradotta bħala kolleġġjalità, illi kienet wieħed mill-punti kardinali tal-ħsieb tiegħu, u tat-teoloġija kollha kemm hi tiegħu. Pauline: U jidher anke fil-ħajja tiegħu stess, għaliex qrajt – din ma kontx nafha qabel – kien anke viċin ħafna ta’ Joseph Cardijn (1882-1967) tażŻgħażagħ Ħaddiema Nsara, u kien jaħdem viċin tiegħu għal ħafna snin. Jiġifieri, Congar kellu moħħu verament miftuħ fuq ħafna livelli. Naħseb bħalek: dak li inti anke għedt l-ewwel. Fejn jidħol ekumeniżmu, fejn tidħol Tradizzjoni, fejn tidħol anke t-teoloġija tal-ministeru, Congar tana spinta ’l quddiem illi ħadd qablu ma kien tana. Naturalment, insemmu wkoll ir-riflessjoni verament utli li għamel fuq l-Ispirtu s-Santu. Jiġifieri, dan it-teologu Franċiż daħal fi profondità partikolari bħalma ħadd qablu ma kien għamel. Stefan: Fil-fatt, sa żmienu, l-Ispirtu s-Santu ġeneralment kienu jaraw ir-rwol tiegħu bħala dak illi fil-ħajja tal-individwu jiggarantixxi, biex ngħidu hekk, jew iġib il-filial adoption, jiġifieri jagħmilna wlied addottivi ta’ Alla. Huwa hu li jġib il-virtù u l-grazzja fil-ħajja tal-individwu, waqt li fuq illivell tal-Knisja huwa dak li jiggarantixxi l-infallibiltà. Imma Congar biddel din l-idea billi għaqqad it-tnejn flimkien: il-persuna mal-Knisja. U l-Ispirtu s-Santu, iktar milli noqogħdu nitkellmu biss fuq ir-rwol tiegħu, irridu niskopru min hu, anke bħala Persuna, kif ukoll l-attività tiegħu, imma l-attività konstanti tiegħu. Propju għalhekk idaħħal l-antropoloġija pnewmatoloġika u l-ekkleżjoloġija pnewmatoloġika, u jgħaqqadhom flimkien. Jiġifieri, dan kien wieħed mill-punti importanti tal-approwċ tiegħu, illi kien totalment differenti minn dak li kien hemm qabel. ~ 71 ~ IL-VUĊI QUDDIEM IL-MISTERU Pauline: Se jkollna nieqfu hawnhekk Fr. Stefan. Kienet diskussjoni tassew interessanti anke għaliex poġġejna lil Congar fil-mument tal-istorja li fiha għex, rajna l-punti saljenti tat-teoloġija tiegħu, rajna fejn kien oriġinali, u rajna fejn l-iktar li kien influwenti fil-Knisja. Ma nafx xtaqtx iżżid xi ħaġa tal-aħħar. Stefan: Iva, bil-qalb kollha. Nixtieq ngħid xi ħaġa li darba kont qrajt li qal hu stess, u li tassew laqtitni. Din l-idea tirrigwarda l-purgatorju. Darba Congar qal illi kull min qiegħed fil-purgatorju huwa mistiku, għaliex il-mistiku jixxennaq biss għal Alla. Il-persuna li għaddejja minn dak il-mument ta’ purifikazzjoni hija mistika għaliex trid biss lil Alla. Dan naħseb li huwa mod sabiħ kif nippreżentaw anke din ir-realtà tal-purgatorju. Pauline: U b’dak il-ħsieb sabiħ, Fr Stefan, ħa nagħlqu hawnhekk dwar dan itteologu magħruf. ~ 72 ~