Aqbeż għall-kontentut

Fanjingshan

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Din hija reviżjoni antika ta' din il-paġna, hekk kif ġiet modifikata minn Trigcly (diskussjoni | kontribuzzjonijiet) nhar 15:21, 9 Settembru 2024. Din tista' tvarja mir-reviżjoni attwali.
(diff) ←Reviżjoni eqdem | Ara l-verżjoni attwali (diff) | Reviżjoni iġded→ (diff)
Il-Quċċata tad-Deheb tas-Sħab Aħmar f'Fanjingshan.

Fanjingshan (biċ-Ċiniż: 梵净山; bil-Pinjin: Fànjìngshān) jew il-Muntanja Fanjing, tinsab f'Tongren, il-Provinċja ta' Guizhou, u hija l-ogħla quċċata tal-Muntanji Wuling fix-Xlokk taċ-Ċina, b'elevazzjoni ta' 2,570 metru (8,430 pied). Ir-Riżerva Naturali Nazzjonali ta' Fanjingshan ġiet stabbilita fl-1978 u ġiet iddeżinjata bħala Riżerva ta' Bijosfera tal-UNESCO fl-1986. Fanjingshan hija muntanja sagra skont il-Buddiżmu Ċiniż, u titqies li hija l-bodhimaṇḍa tal-Buddha Maitreya. Tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2018.[1]

Isem

Isem il-muntanja "Fanjing" huwa taqsira ta' Fantian Jingtu (biċ-Ċiniż: 梵天净土), li tfisser "l-Art Pura ta' Brahma". Fantian huwa l-isem Ċiniż tar-re Buddist tas-smewwiet Brahmā, u Jingtu biċ-Ċiniż tfisser "art pura", il-qofol tal-Buddiżmu tal-Art Pura.[2]

Pożizzjoni u ambjent

Fanjingshan tinsab f'Tongren, fil-Provinċja ta' Guizhou fix-Xlokk taċ-Ċina. Hija l-ogħla quċċata tal-Muntanji Wuling. L-elevazzjoni tal-art muntanjuża tagħha tvarja bejn 480 u 2,570 metru (1,570–8,430 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar.

Ir-Riżerva Naturali Nazzjonali ta' Fanjingshan ġiet stabbilita fl-1978 u ġiet iddeżinjata bħala Riżerva ta' Bijosfera tal-UNESCO fl-1986. Ir-riżerva tkopri erja totali ta' 567 km2 (219-il mil kwadru) u hija żona ta' konservazzjoni għall-veġetazzjoni primittiva tar-reġjun alpin subtropikali tal-Lvant taċ-Ċina. Il-muntanja ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2018.[1]

Bis-saħħa tal-iżolament relattiv ta' Fanjingshan, ġie ggarantit livell għoli ta' bijodiversità. Speċijiet endemiċi bħax-xadina dehbija rari ta' Guizhou (Rhinopithecus brelichi) u l-abit ta' Fanjingshan (Abies fanjingshanensis) jgħixu biss f'reġjun żgħir iċċentrat fuq Fanjingshan. Diversi speċijiet fil-periklu ta' estinzjoni, fosthom is-salamandra ġganteska taċ-Ċina, iċ-ċerva tal-foresti, u l-faġan ta' Reeve jinstabu wkoll f'Fanjingshan. Il-muntanja tospita wkoll l-ikbar foresta primordjali subtropikali tal-fagu u l-iżjed waħda kontigwa.[1]

Buddiżmu

Fanjingshan titqies bħala muntanja sagra tal-Buddiżmu Ċiniż, u tikklassifika eżatt wara l-Erba' Muntanji Sagri tal-Buddiżmu. Titqies bħala l-bodhimaṇḍa (jew daochang) — jiġifieri post li fih wieħed jikseb l-illuminiżmu — tal-Buddha Maitreya. L-influwenza tal-Buddiżmu laħqet waslet f'Fanjingshan mhux iktar tard mid-dinastija Tang, speċjalment wara li Hou Hongren (biċ-Ċiniż: 侯弘仁) bena t-Triq ta' Zangke (biċ-Ċiniż: 牂牁道) fis-639 W.K., li ffaċilitat it-trasport fir-reġjun muntanjuż, u l-gazzetti lokali rreġistraw il-kostruzzjoni ta' diversi tempji fl-inħawi. Iktar tempji nbnew matul żmien id-dinastiji Song u Yuan li ġew wara.

Il-Buddiżmu tkattar ferm matul żmien id-dinastiji Ming u Qing, meta l-qima ta' Tianguan Maitreya (biċ-Ċiniż: 天冠弥勒) saret dominanti f'Fanjingshan. Ir-ribelljoni ta' Bozhou fl-aħħar tas-seklu 16 ikkawżat ħsarat kbar lit-tempji ta' Fanjingshan. Wara li rażżan ir-ribelljoni, l-Imperatur Wanli ordna lill-patri Miaoxuan (biċ-Ċiniż: 妙玄) jerġa' jibni l-Quċċata tad-Deheb u t-Tempju ta' Cheng'en (biċ-Ċiniż: 承恩寺). Bosta tempji oħra nbnew fl-inħawi, u b'hekk twittiet it-triq għall-epoka tad-deheb għall-Buddiżmu f'Fanjingshan. Il-biċċa l-kbira tat-tempji ta' matul id-dinastiji Ming u Qing kienu tas-setet tal-Art Pura u ta' Linji tal-Buddiżmu.

Fit-taqbida li wasslet għall-waqgħa tad-dinastija Qing, bosta tempji nqerdu minn diversi armati u gruppi ribelli, u ftit patrijiet baqgħu jgħixu hemmhekk fl-era tar-Repubblika taċ-Ċina. Wara iktar qerda matul ir-Rivoluzzjoni Kulturali, il-Buddiżmu għadda minn perjodu ta' rinaxximent mis-snin 80 tas-seklu 20. Ħafna tempji antiki ġew rikostruwiti u nbnew oħrajn ġodda, inkluż it-Tempju ta' Cheng'en, it-Tempju ta' Huguo Chan (biċ-Ċiniż: 护国禅寺), it-Tempju tal-Buddha tad-Deheb il-Kbir (biċ-Ċiniż: 大金佛寺), u t-Tempju ta' Longquan (biċ-Ċiniż: 龙泉寺).

Fl-2010 infetaħ il-Park Kulturali Buddist ta' Fanjingshan, b'Sala tad-Deheb li fiha statwa għolja 5 metri (16-il pied) tal-Buddha Maitreya magħmula minn 250 kilogramma (550 libbra) ta' deheb u minn eluf ta' ħaġriet prezzjużi. Jingħad li hija l-ikbar statwa tad-deheb tal-Buddha Maitreya fid-dinja.[3]

Sit ta' Wirt Dinji

Fanjingshan ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2018.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]

Legat

L-asterojde 215021 Fanjingshan, skoperta mill-astronomi tal-Programm ta' Stħarriġ PMO NEO fl-2005, ingħatat isem is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. L-isem uffiċjali ġie ppubblikat miċ-Ċentru tal-Pjaneti Minuri fit-8 ta' Novembru 2019 (M.P.C. 118221).[4][5]

Ġeneru (Fanjingshania) tal-chondrichthyan fossilizzat li ġie skopert fil-Provinċja ta' Guizhou ngħata isem abbażi ta' Fanjingshan.[6]

Gallerija

Referenzi

  1. ^ a b ċ d e "Fanjingshan". whc.unesco.org. Miġbur 2024-09-09.
  2. ^ "铜仁梵净山佛教文化综述". web.archive.org. 2018. Miġbur 2024-09-09.
  3. ^ "梵净山佛教文化苑". web.archive.org. 2018. Miġbur 2024-09-09.
  4. ^ "IAU Minor Planet Center". www.minorplanetcenter.net. Miġbur 2024-09-09.
  5. ^ "MPC/MPO/MPS Archive". www.minorplanetcenter.net. Miġbur 2024-09-09.
  6. ^ Andreev, Plamen S.; Sansom, Ivan J.; Li, Qiang; Zhao, Wenjin; Wang, Jianhua; Wang, Chun-Chieh; Peng, Lijian; Jia, Liantao; Qiao, Tuo; Zhu, Min (Settembru 2022). "Spiny chondrichthyan from the lower Silurian of South China". Nature. 609 (7929): 969–974.