Aqbeż għall-kontentut

Aċċessjoni

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Il-jedd tal-aċċessjoni hu rregolat bl-artikoli 567 sa 584 tal-Kodiċi Ċivili ta’ Malta.

ll-frottijiet naturali, tax-xogħol, jew ċivili jmissu, b’jedd ta’ aċċessjoni, lis-sid tal-ħaġa li tagħtihom, bil-piż li jħallas l-ispejjeż li ħaddieħor ikun għamel sabiex il-ħaġa tagħti dawk il-frottijiet jew sabiex dawk il-frottijiet jiġu kkonservati.

Il-jedd ta’ aċċessjoni dwar ħwejjeġ immobbli

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sid tal-art li fuqha huwa jibni, iħawwel, jew jagħmel xogħolijiet b’materjal ta’ ħaddieħor, għandu jħallas il-valur ta’ dan il-materjal, u, fil-każ ta’ mala fidi, għandu jħallas ukoll id-danni u l-imgħaxijiet; iżda sid il-materjal m’għandux jedd jieħdu lura ħlief meta jkun jista’ jagħmel dan mingħajr ma jeqred ix-xogħol hekk mibni, jew mingħajr ma jħalli t-tħawwil imut. Meta xi bini, tħawwil jew xogħlijiet bħal dawn ikunu saru minn terz pussessur, b’materjal tiegħu, jgħodd dak li tgħid il-liġi dwar il-Pussess, skont jekk dan il-pussessur ikunx ippossjeda b’bona fidi jew b’mala fidi. Meta dan il-bini, tħawwil jew xogħlijiet ikunu saru minn terza persuna b’materjal ta’ ħaddieħor, sid dan il-materjal ma għandux jedd li jitolbu lura, iżda jista’ jitlob indenizz mingħand it-terza persuna li tkun inqdiet b’dak il-materjal, kif ukoll mingħand sid il-fond sas-somma li dan ikun fadallu jagħti. Jekk fit-tlugħ ta’ bini tiġi okkupata b’bona fidi biċċa mill-fond li jmiss ma’ dak il-bini, u l-ġar ikun jaf li qiegħed isir dak il-bini, u ma jagħmilx oppożizzjoni, l-art li tiġi hekk okkupata u l-bini li jsir fuqha jistgħu jiġu ddikjarati ta’ proprjetà ta’ min bena, taħt l-obbligu li jħallas lil sid l-art il-valur tal-wiċċ li jkun okkupa, u li jagħmel tajba kull ħsara li tkun saret.

Il-jedd ta’ aċċessjoni dwar ħwejjeġ mobbli

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-jedd ta’ aċċessjoni dwar ħwejjeġ mobbli ta’proprjetà ta’ diversi sidien, hu rregolat mill-prinċipji tal-ekwità naturali. Dak li jgħid il-Kodiċi jiswa biex fuqu l-qorti tiddeċidi, fil-każijiet mhux ikkontemplati mil-liġi, skont ma jkunu ċ-ċirkostanzi ta’ kull każ. Meta żewġ ħwejjeġ ta’ diversi sidien jiġu mgħaqqdin ma’ xulxin b’mod li jagħmlu ħaġa waħda, iżda b’dan kollu jistgħu jiġu mifruda mingħajr ħsara kbira ta’ ebda waħda minnhom, kull wieħed mis-sidien jibqa’ jżomm il-proprjetà tal-ħaġa tiegħu, u għandu jedd jitlob il-firda. Iżda, jekk iż-żewġ ħwejjeġ ma jistgħux jiġu mifruda mingħajr ħsara kbira ta’ waħda minnhom, iż-żewġ ħwejjeġ hekk imgħaqqdin flimkien imissu lis-sid tal-ħaġa li hija l-parti prinċipali fosthom, bl-obbligu li jħallas lis-sid l-ieħor il-valur tal-ħaġa mgħaqqda magħha. Titqies parti prinċipali dik li magħha l-oħra tkun ġiet imgħaqqda biss għall-użu, għat-tiżjin, jew sabiex tagħmilha kompluta. Iżda, jekk il-ħaġa mgħaqqda tkun wisq iżjed prezzjuża mill-ħaġa prinċipali, u jkun sar użu minnha mingħajr il-kunsens tas-sid, dan is-sid jista’ jagħżel jew li jieħu kollox u jħallas lil sid il-ħaġa prinċipali l-valur tagħha, jew li jitlob il-firda tal-ħaġa mgħaqqda, għad li b’hekk tista’ tiġri ħsara lill-oħra. Jekk minn żewġ ħwejjeġ imgħaqqda flimkien biex jagħmlu ħaġa waħda, ebda waħda minnhom ma tista’ titqies bħala aċċessorja tal-oħra, dik li tiswa l-aktar, jew, fil-każ li ż-żewġ ħwejjeġ ikunu jiswew bejn wieħed u ieħor indaqs, dik li tkun l- akbar fid-daqs, titqies li hija l-prinċipali. Meta artiġjan jew persuna oħra jkunu nqdew b’materjal mhux tagħhom, sabiex jagħmlu xi ħaġa ta’ xorta ġdida, sid il-materjal għandu jedd, sew jekk il-materjal ikun jista’ kemm jekk ma jkunx jista’ jerġa’ jieħu s-sura ta’ qabel, għall-proprjetà tal-ħaġa li tkun ġiet magħmula bih, bl-obbligu li jħallas lill-artiġjan jew persuna oħra l-prezz tax-xogħol, jew biċċa b’materjal tiegħu u biċċa ta’ ħaddieħor. Jekk xi ħadd, biex jagħti forma ġdida lil ħaġa jkun inqeda b’materjali, biċċa tiegħu u biċċa ta’ ħaddieħor, b’mod li għalkemm la l-materjal l-wieħed u lanqas l-ieħor ma jkun ġie ttrasformat għalkollox, dak il-materjal ma jkunx jista’ jiġi mifrud mingħajr ħsara, il-ħaġa tibqa’ in komun bejn iż-żewġ sidien f’ishma meqjusa skont il-valur ta’ dak li kull wieħed minnhom ikun ħareġ, jiġifieri, il-wieħed skont il-valur tal-materjal li kien tiegħu, u l-ieħor skont il-valur tal-materjal li kien tiegħu u l-prezz tax-xogħol. Iżda, meta x-xogħol ikun ta’ valur tali li jkun jiswa bil-bosta iżjed milli jiswew il-materjali wżati, ix-xogħol jitqies bħala l-ħaġa prinċipali, u l-artiġjan għandu jedd iżomm il-ħaġa hekk maħduma, billi jħallas lis-sid il-prezz tal-materjal. Meta ħaġa tkun ġiet magħmula bit-taħlit ta’ materjal divers li jkun ta’ diversi sidien, u dan il-materjal ikun jista’ jiġi mifrud mingħajr ħsara, is-sid li ma jkunx ta l-kunsens tiegħu għat-taħlit, jista’ jitlob il-firda. Jekk il-materjal ma jkunx jista’ jiġi mifrud, jew, jekk il-firda ma tkunx tista’ ssir mingħajr ħsara, il-ħaġa magħmula bit-taħlit issir proprjetà komuni ta’ bejniethom, fil-proporzjon tal-valur tal-materjal ta’ kull wieħed minnhom. Iżda, jekk il-materjali ta’ wieħed mis-sidien jista’ jitqies bħala l-ħaġa prinċipali, jew ikun jiswa wisq iżjed mill-materjali l-oħra, u ż-żewġ materjali ma jkunux jistgħu jiġu mifruda, jew il-firda tagħhom tkun iġġib ħsara, is-sid ta’ dawk il-materjali li jitqiesu li huma l-ħaġa prinċipali, jew li huma aqwa fil-valur, għandu jedd għall-proprjetà tal-ħaġa li ssir mit-taħlit, billi jħallas lis-sid l-ieħor il-prezz tal-materjali tiegħu. Meta l-ħaġa l-ġdida tibqa’ in komun bejn is-sidien tad-diversi materjali li bihom il-ħaġa tkun ġid magħmula, kull wieħed mis-sidien jista’ jitlob il-bejgħ fl-irkant b’vantaġġ u bi spejjeż komuni. Fil-każijiet kollha li fihom is-sid tal-materjali wżati mingħajr il-kunsens tiegħu jista’ jippretendi l-proprjetà tal-ħaġa, hu jista’ jitlob, skont ma jagħżel, jew li jiġi mogħti lura lilu materjali tal-istess xorta u kwantità, inkella l-valur tiegħu. Dak li jkun uża materjal ta’ ħaddieħor, mingħajr il-kunsens ta’ sidu, jista’ wkoll jiġi kkundannat għall-ħlas tad-danni, bla ħsara ta’ kull azzjoni kriminali li għaliha jista’ jkun suġġett.