Aqbeż għall-kontentut

Minjieri taż-Żnied Neolitiċi ta' Spiennes

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Waħda mill-minjieri taħt l-art ta' Spiennes. It-tbajja' suwed huma l-vini taż-żnied fil-blat.

Il-Minjieri taż-Żnied Neolitiċi ta' Spiennes huma fost l-ikbar minjieri taż-żnied Neolitiċi u fost l-iktar antiki li nstabu fil-Majjistral tal-Ewropa, u jinsabu qrib il-villaġġ ta' Spiennes, fix-Xlokk ta' Mons, fil-Wallonja, il-Belġju.[1] Il-minjieri kienu attivi fin-nofs u fl-aħħar taż-Żmien Neolitiku bejn l-4300 u l-2200 Q.K. Is-sit ġie ddikjarat li huwa "notevoli għad-diversità ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi li ntużaw għall-estrazzjoni" u b'hekk tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[2] Fir-rebbiegħa tal-2015 infetaħ iċ-Ċentru Interpretattiv ta' SILEX.[3][4]

Disinn trasversali tal-minjieri ta' Spiennes

Il-minjieri ġew skoperti fl-1843 u l-ewwel skavi saru mill-inġinier tax-xogħol fil-minjieri Alphonse Briart u tnejn min-nies oħra matul il-kostruzzjoni tal-linji ferrovjarji fl-1867.[5] Ir-riżultati tal-iskavi ġew ippreżentati lill-Kungress Preistoriku Internazzjonali li sar fi Brussell fl-1872.[6] Minn żmien għal żmien baqgħu jsiru l-iskavi sa llum il-ġurnata.

Il-Minjieri taż-Żnied Neolitiċi ta' Spiennes ikopru xi 100 ettaru ta' art għan-niżla, madwar erba' mili fix-Xlokk tal-belt ta' Mons. Is-sit fih miljuni ta' bċejjeċ tar-ruttam ta' żnied maħdum u diversi fosos tax-xogħol fil-minjieri, li l-insedjaturi Neoltiċi bil-mod il-mod ikkonvertewhom f'xaftijiet vertikali tax-xogħol fil-minjieri sa fond ta' iktar minn għaxar metri. Taħthom hemm network elaborat magħmul mill-bniedem ta' għerien aċċessibbli mill-bosta xaftijiet.[7]

Iċ-Ċentru Interpretattiv ta' Spiennes

Stadju ewlieni ta' inventiva umana u ta' applikazzjoni u progress teknoloġiċi kif ukoll kulturali kienet it-tranżizzjoni bejn ix-xogħol fil-minjieri fil-beraħ u taħt l-art għal noduli taż-żnied. Din toħroġ fid-dieher b'mod ċar fis-sit u ġiet iddokumentata sew. Ir-riċerka wriet it-tekniki Neolitiċi li ntużaw għat-tqattigħ taż-żnied u għall-estrazzjoni ta' ħaġriet kbar taż-żnied, li kienu jiżnu sa mijiet ta' kili. In-noduli kienu jiġu estratti permezz ta' bqaqen taż-żnied. Il-ħaġriet imbagħad kienu jingħataw għamliet ta' rjus l-imnanar, u finalment kienu jiġu llostrati.

Irjus l-imnanar kienu jiġu skambjati fl-inħawi, f'żona ta' madwar 150 kilometru, u spiss kienu jiġu llostrati fid-destinazzjoni tagħhom. L-illostrar kien isaħħaħ il-prodott finali, u b'hekk irjus l-imnanar jew il-qadumiet kienu jservu għal iktar żmien. Is-superfiċe lixxa sservi wkoll biex l-azzjoni tat-tqattigħ tiġi megħjuna minħabba t-tnaqqis tal-frizzjoni mal-injam. L-imnanar kienu jintużaw inizjalment għall-ikklirjar tal-foresti matul il-perjodu Neolitiku, u għat-tiswir tal-injam għal applikazzjonijiet strutturali, pereżempju l-injam għall-għorfiet u għall-kenura.[6]

Ras mannara magħmula miż-żnied fi Żmien il-Ħaġar

Is-sit ġie mqabbel ma' Grimes Graves u ma' Cissbury fir-Renju Unit, u ma' Krzemionki fil-Polonja, li huma wkoll sorsi taż-żnied. Madankollu, kien jintuża blat iebes differenti għall-imnanar illostrati. Hemm diversi postijiet fir-Renju Unit fejn il-blat metamorfiku u ignew bi granuli rqaq kien jinġabar minn fdalijiet ta' ċedimenti tal-art jew minn minjieri fil-beraħ, u mbagħad kien jiġi msawwar lokalment qabel ma kien jgħaddi għall-kummerċ ma' partijiet oħra fil-pajjiż. Xi eżempji jinkludu l-industrija tal-imnanar ta' Langdale, Penmaenmawr u Tievebulliagh.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Minjieri taż-Żnied Neolitiċi ta' Spiennes ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]

  1. ^ "SRPH: Neolithic flintstones mines in Spiennes - Digest". web.archive.org. 2007-12-31. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-12-31. Miġbur 2021-11-26.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Neolithic Flint Mines at Spiennes (Mons)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-26.
  3. ^ "Silexs Mons". en.silexs.mons.be. Miġbur 2021-11-26.
  4. ^ "SILEX'S Mons | Les minières néolithiques de silex de Spiennes". walloniebelgiquetourisme.be (bil-Franċiż). Miġbur 2021-11-26.
  5. ^ Alphonse Briart et al., Rapport sur les découvertes géologiques & archéologiques faites à Spiennes en 1867 (Mons, 1872).
  6. ^ a b Thomas Wilson, Arrowpoints, Spearheads, and Knives of Prehistoric Times (Washington DC, 2007), ch. 4.
  7. ^ "SRPH: Neolithic flintstones mines in Spiennes - Digest". web.archive.org. 2007-12-31. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-12-31. Miġbur 2021-11-26.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)