Plotinu
Plotinu (Grieg: Πλωτῖνος) (ca. 204/5–270 WK) kien filosfu ewlieni tal-qedem. Fis-sistema teoretika tiegħu hemm tliet prinċipji: il-Wieħed, l-Intellett, u r-Ruħ.[1] L-għalliem tiegħu kien Ammonju Sakka u kien parti mit-tradizzjoni Platonika.[2] Storiċi tas-seklu 19 ivvintaw it-terminu Neoplatoniżmu u applikawh għalih u għall-filosofija tiegħu, li kienet influwenti fl-Antikwità tal-Aħħar. Ħafna mill-informazzjoni bijografika dwar Plotinu ġejja mid-daħla ta' Porfirju għall-edizzjoni tiegħu tal-Enneadi ta' Plotinu. Il-kitbiet metafiżiċi tiegħu ispiraw sekli sħaħ ta' metafiżiċi u mistiċi Pagani, Insara, Lhud, Islamiċi u Njostiċi.
Bijografija
[immodifika | immodifika s-sors]Porfirju jikteb li Plotinu kellu 66 sena meta miet fis-sena 270, it-tieni sena tar-renju tal-imperatur Klawdju II, li jindika li s-sena tat-twelid tiegħu kienet il-205 WK. Ewnapju jikteb li Plotinu twieled f'Likopoli (Lycopolis), fl-Eġittu elenizzat[3] "Plotinu". Lyco bil-Grieg tfisser "lupu". L-istess għerq intuża għal-Liċew (Lukos / Λύκος) ta' Aristotli fl-Eġittu - l-inħawi tal-lupu.[4]
Bħal Platonisti oħrajn, Plotinu kellu sfiduċja intrinsika fil-materjaliżmu, u kien jemmen li l-fenomena huma kopja, jew mimika (mimesi) ta' xi ħaġa "ogħla u inteliġibbli" [VI.I] li kienet "il-parti l-aktar veritiera tal-Kewn ġenwin". Din l-isfiduċja estendiha għall-ġisem, inkluż ġismu stess; Porfirju jgħid li darba minnhom ma riedx li jitpinġa ritratt tiegħu, x'aktarx għall-istess raġunijiet ta' disgust. Bl-istess mod Plotinu qatt ma ddiskuta l-antenati tiegħu, it-tfulija, jew il-post u d-data tat-twelid tiegħu. Skont il-kitbiet kollha dwaru, il-ħajja personali u soċjali tiegħu tixhed l-ogħla livelli morali u spiritwali.
Madwar is-sena 232, ta' 27 sena Plotinu vvjaġġa lejn Lixandra biex jistudja l-filosofija. Hemmhekk ma għoġbu ħadd mill-għalliema tiegħu, sakemm xi ħadd issuġġerielu li jisma' l-ideat ta' Ammonju Sakka. Meta sema' l-lezzjonijiet ta' Ammonju, huwa qal lil ħabib tiegħu, "dan hu r-raġel li kont qed infittex," u beda studju intensiv taħt l-għalliem ġdid tiegħu. Minbarra Ammonju, Plotinu kien influwenzat ukoll mix-xogħlijiet ta' Alessandru ta' Afrodisja, Numenju, u diversi Stojċi.
Spedizzjoni lejn il-Persja u r-ritorn Ruma
[immodifika | immodifika s-sors]Wara ħdax-il sena f'Lixandra, ta' madwar 38 sena, huwa ddeċieda li jivestiga l-filosofija ta' filosfi mill-Persja u mill-Indja.[5] F'tentattiv biex jikseb dan, huwa ħalla Lixandra u ngħaqad mal-armata ta' Gordjanu III meta din kienet qed tavvanza fuq il-Persja. Madankollu, il-kampanja militari kienet falliment, u mal-mewt ta' Gordjanu Plotinu sab ruħu mitluf f'art ostili, u irnexxielu jmur lura Antjokja biss b'diffikultajiet kbar.
Meta kellu 40 sena, waqt ir-renju ta' Filep l-Għarbi, huwa wasal Ruma, fejn baqa' kważi għall-kumplament ta' ħajtu. Hemmhekk ġibed lejh diversi studenti. Dawk l-eqreb lejh kienu jinkludu lil Porfirju, lil Amelju Ġentiljanu tat-Toscana, lis-Senatur Kastriċu Firmu u lil Ewstokju ta' Lixandra, tabib li ddedika ħajtu għat-tagħlim Plotinu u li baqa' jassistih sal-mewt.
Is-snin suċċessivi
[immodifika | immodifika s-sors]Kemm dam Ruma, Plotina kiseb ukoll ir-rispett tal-Imperatur Galljenu u ta' martu Kornelja Salonina. F'punt minnhom Plotinu pprova jikkonvinċi lil Galljenu jerġa' jibni komunita' abbandunata f'Campania, magħrufa bħala 'Belt il-Filosfi', fejn l-abitanti setgħu jgħixu skont il-kostituzzjoni mfassla fil-Liġijiet ta' Platun. Għal xi raġuni mhux magħrufa minn Porfirju, din it-talba qatt ma ngħatat sussidju Imperjali.
Sussegwentement Porfirju mar jgħix Sqallija, u hemm sar jaf li l-eks għalliem tiegħu kien miet. Il-filosfu kien qatta' l-aħħar jiem tiegħu għalih waħdu, f'biċċa art ġewwa Campania, imħallija lilu minn sieħbu Zethos. Skont ir-rakkont ta' Ewstokju, li assistih fl-aħħar mumenti tiegħu, l-aħħar kliem ta' Plotinu kien: "Stinkaw biex tagħtu d-Divin li jinsab fikom lura lid-Divin li jinsab f'Kollox." Ewstokju jikteb li daħal serp taħt is-sodda li fuqha kien jinsab Plotinu, u li malli dan tal-aħħar miet, iżżerżaq 'il barra minn toqba fil-ħajt.
Plotinu ħalla diversi kitbiet li saru l-Enneadi, miktubin fuq medda ta' snin minn madwar is-sena 253 sa ftit xhur qabel ma miet, sbatax-il sena wara. Porfirju jinnota li l-Enneadi, qabel ma hu stess ikkompilahom u rranġahom, kienu biss il-ġabra enormi ta' noti u kitbiet li Plotinu kien juża fil-lezzjoni li jagħti u fid-dibattiti tiegħu. Plotinu kien isibha diffiċli jirrevedi xogħlu, minħabba l-vista batuta li kellu, iżda kitbietu kienu jitolbu editjar intensiv. Skont Porfirju, il-kitba ta' Plotinu kienet waħda atroċi; ma kienx jifred il-kliem kif suppost; u ma tantx kien jaqa' u jqum mir-regoli tal-ortografija. Plotinu kien jobgħod il-proċess editorjali, u ħalla din il-biċċa xogħol f'idejn Porfirju, li mhux biss irfina x-xogħol tal-għalliem tiegħu, iżda wkoll ġabru fl-arranġament li għandha llum.
Tagħlim
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Wieħed
[immodifika | immodifika s-sors]- Ara wkoll: Teorija tas-Sustanza
Fost it-tagħlim ta' Plotinu hemm "il-Wieħed": suprem, kompletament tranxendenti, mingħajr ebda distinzjoni, multipliċità jew distinzjoni; bl-istess mod, huwa lil hinn minn kull kategorija tal-kewn u l-baħħ. Il-kunċett tal-"kewn" huwa derivat minna permezz tal-oġġetti tal-esperjenza tal-bniedem, imsejħin dijade, u huwa attribut ta' tali oġġetti, iżda l-Wieħed infinit u tranxendenti jmur lil hinn minn tali oġġetti, u allura jmur lil hinn mill-kunċetti li nidderivaw minnhom. Il-Wieħed "ma jista' jkun ebda oġġett eżistenti", u l-anqas ma jista' jkun sempliċement is-somma ta' tali oġġetti, iżda jiġi "qabel kulma jeżisti". Allura, ebda attribut ma jista' jiġi assenjat għall-Wieħed. Nistgħu biss nidentifikawh mat-Tajjeb u mal-prinċipju tas-Sbuħija. [I.6.9]
Per eżempju, il-ħsieb ma jistax ikun attribwit mal-Wieħed għaliex jimpli distinżjoni bejn ħassieb u l-oġġett tal-ħsieb (mill-ġdid, dijade). Anke l-intelliġenza awto-kontemplativa (in-noeżi tan-nous) titlob dualità. "Ladarba tlissen 'It-Tajjeb,' iżżid xejn iktar: ma' kull żieda, u proporzjonali ma' dik iż-żieda, tkun qed iddaħħal defiċenza." [III.8.11] Plotinu jiċħad li l-Wieħed huwa senzjenti, konxju minnu nnifsu, u li jwettaq azzjonijiet (ergon) [V.6.6]. Minflok, jekk wieħed jinsisti li jrid jiddeskrivi lill-Wieħed, allura jrid isejjaħlu dinamiżmu pur, jew potenzjalità li mingħajra xejn ma jista' jeżisti. [III.8.10] Plotinu jispjega li huwa impossibbli għall-wieħed li jkun Kewn jew Alla Ħallieq konxju minnu nnifsu. F'[V.6.4], Plotinu jqabbel lill-Wieħed mad-"Dawl", 'in-Nous Divin max-"Xemx" u fl-aħħar ir-Ruħ mal-"Qamar" li d-dawl tagħha hu biss "derivazjoni tad-dawl tax-Xemx". L-ewwel dawl jista' jeżisti mingħajr il-bżonn tax-Xemx.
Il-Wieħed, li jmur lil hinn mill-attributi kollha, inkluż il-kewn jew in-nuqqas tiegħu, hu l-għajn tad-dinja - iżda mhux permezz ta' xi att ta' ħolqien, mixtieq jew le, għaliex il-Wieħed, li ma jinbidilx, ma jistax jingħata l-attribut tal-Attività. Plotinu minflok jargumenta li l-multiplu ma jistax jeżisti mingħajr is-sempliċi. Dak "inqas perfett" irid bilfors joħroġ minn dak li hu "perfett" jew "iktar perfett". Allura, il-"ħolqien" kollu joħroġ mill-Wieħed fi stadji suċċessivi ta' inqas u inqas perfezzjoni. Dan l-istadji m'humhiex iżolati temporalment, iżda jseħħu mal-medda taż-żmien bħala proċess kostanti. Plotinu hawnhekk jirriżolvi l-kwistjoni bejn l-ontoloġija ta' Platun u l-Actus et potentia (att u potenzjal) ta' Aristotli. Il-kwistjoni kienet li Aristotli, billi rriżolva argument ta' Parmenide - (l-Argument tat-Tielet Raġel) - kontra l-ontoloġija u t-teorija tal-forom ta' Platun, ħoloq skola oħra ta' ħsieb filosofiku. Hawnhekk Plotinu jirrikonċilja "it-Tajjeb fuq id-Demiurgu" mit-Timew ta' Platun mal-mexxej mhux immexxi tal-Actus et potentia ta' Aristotli. Plotinu jagħmel dan billi jagħmel il-potenzjal, jew il-qawwa, il-Wieħed u d-demiurgu, jew id-diade, il-komponent tal-azzjoni jew tal-enerġija fl-ontoloġija konjitiva filosofika. Filosfi Neoplatoniċi li ġew iktar tard, speċjalment Jambliku, żiedu mijiet ta' essri intermedji bħala ħarġiet bejn il-Wieħed u l-Bniedem' iżda s-sistema ta' Plotinu hi ħafna iktar sempliċi.
Il-Wieħed m'huwiex biss kunċett intellettwali, iżda xi ħaġa li tista' tiġi esperjenzata, esperjenza fejn wieħed imur lil hinn minn kull multipliċità.[6] Plotinu jikteb, "Imissna l-aqqas biss ngħidu li ħa jara, iżda li ser ikun dak li jara, jekk tassew jibqa' possibbli li wieħed jiddistingwi bejn dak li jara u l-muri, mingħajr ma wieħed isostni bla biżgħa li t-tnejn huma, filfatt, wieħed."[7]
Emanazzjoni mill-Wieħed
[immodifika | immodifika s-sors]Plotinu joffri alternattiva għall-kunċett Kristjan Ortodoss tal-ħolqien ex nihilo (mix-xejn), liema kunċett jattribwixxi lil Alla d-deliberazzjoni tal-menti (moħħ) u l-azzjoni tar-rieda, għalkemm Plotinu qatt jsemmi 'l-Kristjaneżmu fix-xogħlijiet tiegħu. L-emanazzjoni ex deo (minn Alla) tikkonferma t-tranxendenza assoluta tal-Wieħed, u allura tagħmel l-iżvolġiment tal-kosmos sempliċement konsegwenza tal-eżistenza t'Alla; il-Wieħed bl-ebda mod ma jiġi affetwat jew imnaqqas b'dawn l-emanazzjonijiet. Plotinu juża l-analoġija tax-Xemx li tarmi d-dawl mingħajr diskriminazzjoni mingħajr ma tnaqqas lilha nfisha, jew ta' rifless f'mera li b'ebda mod ma tnaqqas jew b'xi mod tibdel l-oġġett rifless.?
L-ewwel emanazzjoni hija n-Nous (il-Monti jew Moħħ divin, logos jew ordni, Ħsieb, Raġuni), identifikata metaforikament mad-Demiurgu fit-Timew ta' Platun. Hija l-ewwel Rieda lejn it-Tajjeb. Min-Nous joħroġ l-Anima Mundi, jew l-ispirtu, tad-dinja, li Plotinu jaqsam fi tnejn, l-għoli u l-baxx, filwaqt li jidentifika l-aspett baxx tar-Ruħ man-Natura. Mill-Anima Mundi toħroġ ir-ruħ individwali, u finalment il-materja, fl-aktar livell baxx fil-katina tal-kewn, u allura l-inqas livell perfett fil-kosmos.
Plotinu sostna li n-natura essenzjali tal-ħolqien hi waħda divina, għaliex fl-aħħar mill-aħħar din ħierġa mill-Wieħed, permezz tan-nous u l-Anima Mundi. Huwa permezz tat-Tajjeb u tas-Sbuħija li nagħrfu lill-Wieħed, l-ewwel f'affarijiet materjali u mbagħad fil-Forom.[8]
In-natura essenzjalment devozzjonali tal-filosofija ta' Plotinu toħroġ ukoll mill-kunċett tiegħu ta' henosis - il-kisba t'unjoni f'estasi mal-Wieħed. Porfirju jirrakkonta li Plotinu kiseb dan it-twaħħid erba' darbiet kemm dam jafu. Dan jista' jitqabbel mal-kunċetti tal-illuminiżmu, il-ħelsien, u kunċetti oħra t'unjoni mistika komuni f'ħafna tradizzjonijiet kemm tal-Lvant u tal-Punent.
Il-Bniedem Veru u l-Hena
[immodifika | immodifika s-sors]L-hena awtentika tal-bniedem għal Plotinu tikkonsisti f'li dan jidentifika ruħu ma' dak li hu l-aqwa fl-univers. Minħabba li l-hena tmur lil hinn minn dak kollu li hu materjali, Plotinu jisħaq li r-rikkezzi tad-dinja ma jikkontrollawx l-hena vera tal-bniedem. (Enneadi I.4.4) L-argument ta' Plotinu dwar l-hena hu wieħed mill-akbar influwenzi tiegħu fuq il-ħsieb tal-Punent; dan għaliex kien wieħed minn tal-ewwel li daħħal l-idea li l-eudaimonia (l-hena) tintlaħaq biss bil-kuxjenza.
Il-bniedem veru huwa kapaċità kontemplattiva mhux korporja tar-ruħ, superjuri għal dak kollu li hu korporju. Jirriżulta, allura, li l-hena vera tal-bniedem hija indipendendi mid-dinja fiżika. L-hena vera hi, minflok, dipendenti fuq il-bniedem metafiżiku u awtentiku li jinsab fl-għola kapaċità tar-Raġuni. "Għaliex il-bniedem, speċjalment dak Profiċjenti, m'huwiex iż-żwieġ tar-Ruħ u l-ġisem: prova ta' dan hi li l-bniedem jista' jinqata' mill-ġisem u jiddisprezza t-tjubija apparenti tiegħu" (Enneadi I.4.14) Il-bniedem li kiseb l-hena ma jiddejjaqx mill-mard, mill-iskumdità, eċċ., għaliex l-attenzjoni tiegħu hu fuq l-aqwa u l-akbar affarijiet. L-hena awtentika tal-bniedem hi l-użu ta' dik il-kapaċità l-aktar awtentika tal-bniedem: il-kontemplazzjoni. Anke fl-aktar affarijiet ta' kuljum, f'dawk l-azzjonijiet fiżiċi l-aktar mundani, l-istagħnar tal-att tal-bniedem "... huwa determinat mill-fażi l-aktar għolja tar-Ruħ". (Enneadi III.4.6) Anke fl-aktar argumenti drammatiċi li Plotinu jikkunsidra (eżempju meta wieħed ikun jgħaddi minn tortura estrema), huwa jikkonkludi li dan isaħħaħ l-argument tiegħu li l-hena vera hija metafiżika, għaliex il-bniedem li huwa tassew ħieni jifhem li dak li qed jiġi ttorturat huwa biss ġisem, mhux l-istess individwu konxju, u li allura l-hena tippersisti.
Plotinu joffri deskrizzjoni sħiħa tal-kunċett tiegħu ta' persuna li laħqet eudaimonia. "Il-ħajja perfetta"? tinvolvi persuna b'kontroll fuq ir-raġuni u l-kontemplazzjoni. (Enneadi I.4.4) Il-bniedem ħieni ma jitbandalx bejn l-hena u d-dwejjaq, kif ħafna kontemporanji ta' Plotinu kienu jemmnu. L-Istojċi, per eżempju, kienu jiddubitaw l-abiltà ta' xi ħadd li jkun ħieni (jekk wieħed jassumi li l-hena hi l-kontemplazzjoni) jekk dan ikun mentalment inkapaċitat jew anke rieqed. Plotinu jiċħad dan, għaliex għalih ir-ruħ u l-bniedem veru ma jorqdux mhux marbutin bil-ħin jew biż-żmien; l-anqas ma l-bniedem ħaj li laħaq eudaimonia m'hu sejjer, f'daqqa waħda, jieqaf juża l-kapaċitajiet l-aktar awtentiċi tiegħu sempliċiment minħabba skumdità fil-lat fiżiku tiegħu. "...Ir-rieda tal-Profiċjenti hi magħmula dejjem, u biss, ġewwiena." (Enneadi I.4.11)
B'mod ġenerali, l-hena għal Plotinu hi "... ħarba mill-mogħdijiet u l-affarijiet ta' did-dinja" u l-attenzjoni fuq l-għola, jiġifieri l-Forom u l-Wieħed.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ http://www.abc.net.au/rn/philosopherszone/stories/2011/3237626.htm. Parametru mhux magħruf
|title=
injorat (għajnuna);|title=
nieqes jew vojt (għajnuna) - ^ http://plato.stanford.edu/entries/plotinus/. Parametru mhux magħruf
|title=
injorat (għajnuna);|title=
nieqes jew vojt (għajnuna) - ^ Friggieri, Joe. In-Nisġa tal-Ħsieb, p.129. Malta Media Centre, 2000.
- ^ "Plotinus." The Columbia Electronic Encyclopedia, Sixth Edition. Columbia University Press, 2003.
- ^ Porfirju, Dwar il-Ħajja ta' Plotinu u l-Ordni tal-Kotba tiegħu, Kap. 3
- ^ Stace, W. T. (1960) The Teachings of the Mystics, New York, Signet, pp110-123
- ^ Stace, W. T. (1960) The Teachings of the Mystics, New York, Signet, p122
- ^ I.6.6 and I.6.9