Belġju

pajjiż fl-Ewropa tal-Punent

Il-Belġju (Olandiż: België; Franċiż: Belgique; Ġermaniż: Belgien), uffiċjalment ir-Renju tal-Belġju, huwa pajjiż li jinsab fuq il-fruntiera bejn il-parti tal-Ewropa fejn hu mitkellem l-ilsien Ġermaniż u l-kultura rumanza, hu maqsum fi tliet reġjuni. Fit-tramuntana hemm il-Fjandri li l-popolazzjoni tagħhom titkellem bil-lingwa Fjamminga (varjanti tal-Olandiż) u tagħmel madwar 58% tal-popolazzjoni totali u fin-nofsinhar hemm il-Wallonja, kważi għal kollox Frankofona bl-eċċezzjoni ta' komunità żgħira li titkellem bil-Ġermaniż, li tagħmel 32% tal-popolazzjoni nazzjonali totali. Fin-nofs jinsab ir-reġjun tal-belt ta' Brussell, Bruxelles-Capitale, uffiċjalment bilingwi, għalkemm hu kważi għal kollox Frankofon, u fih tgħix 10% tal-popolazzjoni. Barra minn hekk fuq il-fruntiera mal-Ġermanja fil-Wallonja hemm il-komunità li titkellem bil-Ġermaniż li hi magħmula mill-komuni annessi mal-Ġermanja Nażista fl-1940-1945 u li kienet ċediet il-Ġermanja lill-Belġju fl-1919.

Renju tal-Belġju
(NL) Koninkrijk België
(FR) Royaume de Belgique
(DE) Königreich Belgien
Renju tal-Belġju (NL) Koninkrijk België (FR) Royaume de Belgique (DE) Königreich Belgien – Bandiera Renju tal-Belġju (NL) Koninkrijk België (FR) Royaume de Belgique (DE) Königreich Belgien – Emblema
Mottu: (DE) "Einigkeit macht stark"
(FR) "L'Union fait la force"
(NL) "Eendracht maakt macht"
(traduzzjoni: "L'għaqda ssaħah")
Innu nazzjonali: La Brabançonne

Lokazzjoni tal-Belġju (aħdar skur)
– fi ħdan l-Unjoni Ewropea (aħdar ċar) fil-kontinent Ewropew (griż skur)
Belt kapitali
(u l-ikbar belt)
Brussell
50°51′N 4°21′E / 50.85°N 4.35°E / 50.85; 4.35

Lingwi uffiċjali Olandiż (Fjamming)
Franċiż
Ġermaniż
Gruppi etniċi  ara Demografija
Gvern Monarkija parlamentari u Demokrazija parlamentari federali[1]
 -  Re Filippu
 -  Prim Ministru Alexander De Croo
Indipendenza
 -  mill-Pajjiżi l-Baxxi 4 ta' Ottobru, 1830 
Sħubija fl-UE 25 ta' Marzu 19572
Erja
 -  Total 30,528 km2 (139)
11,787 mil kwadru 
 -  Ilma (%) 6.4
Popolazzjoni
 -  ċensiment tal-2012 11,035,948[2] (76)
 -  Densità 354.7/km2 (33)
918.6/mili kwadri
PGD (PSX) stima tal-2012
 -  Total $420.307 biljun[3] (30)
 -  Per capita $37,883[3] (20)
PGD (nominali) stima tal-2012
 -  Total $484.692 biljun[3] (21)
 -  Per capita $43,686[3] (16)
IŻU (2013) 0.897[4] (għoli ħafna) (17)
Valuta Ewro ()1 (EUR)
Żona tal-ħin CET (UTC+1)
Kodiċi telefoniku 32
TLD tal-internet .be3
1 Qabel l-1999: Frank Belġjan
2Membru fundatur.3 Ukoll .eu, li hi maqsuma flimkien mal-istati membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea

Il-Belġju kien fost il-membri fundaturi tal-Unjoni Ewropea u l-belt kapitali Brussell hi s-sedi ta' bosta istituzzjonijiet komunitarji.

Fronetars tal-Belġju totali: 1,297 km, pajjiżi tal-fruntiera (4): Franza 556 km; Ġermanja 133 km; Lussemburgu 130 km; Olanda 478 km.

Il-pajjiż juri traċċi ċari tal-preżenza umana li jmorru lura għaż-żminijiet preistoriċi, speċjalment fis-siti megalitiċi ta' Oppagne u ta' Wéris, fejn jinsabu olmen interessanti

L-ewwel nies li għexu fil-Belġju, imsejħin Belġi, kienu magħmula prinċipalment minn tribujiet Ċelti li kin jgħixu fil-Gallja tat-Tramuntana u kienu megħluba minn Ġulju Ċesri fl-54 QK, kif dan iddeskriva fil-ktieb tiegħu De Bello Gallico . Kien Ċesri stess li nnota l-qlubija kbira tal-Belġi fil-battalja, hekk li ikteb: "horum omnium fortissimi sunt belgae" jiġifieri "fost il-popli kollha tal-Gallja, l-iżjed qalbiena huma l-Belġi." L-isem tal-pajjiż ġej mit-terminu "Gallia Belgica" li kienu jużaw ir-Rumani.

F'Tirlemont/Tienen hemm xi oqbra Rumani msejħa "Trois tumuli" (Tumuli de Grimde) fil-forma ta' tliet għoljiet żgħar. Hemm siti funerari Rumani oħra f'Guèronne u f'Billemont (Trou de Billemont). Dawn hu magħmula minn tumuli b'kamra sepolkrali u oqbra li jixbħu ħafna lill-oqbra Etruski u qieshom setgħu kienu nbnew fuq siti ta' żminijiet iżjed antiki.

Wara l-waqa' tal-Imperu Ruman (seklu V), il-tribujiet Ġermaniċi invadew il-provinċja Rumana ta' Gallja. Waħda minn dawn ir-razez, il-Franki, fl-aħħar waqqfu renju ġdid taħt il-ħakma tad-dinastija Merovinġja. Klodovew I kien l-aktar famużi minn dawn ir-rejiet: huwa kkonverta għall-Kristjaneżmu u kien jiġġverna mit-tramuntana ta' Franza, iżda l-imperu tiegħu kien jinkludi wkoll il-Belġju. Studjużi Nsara, l-aktar il-patrijiet Irlandiżi, ippriedkaw il-Kristjaneżmu u bdew ix-xogħol tal-konverżjoni tal-invażuri pagani.

Il-Merovinġi ma kellhomx ħajja twila wisq, u warajhom ħadet il-poter f'idejha d-dinastija Karolinġja: wara li Karlu Martell waqqaf l-invażjoni ta' Spanja mill-Għarab (732 battalja ta' Poitiers), ir-re famuż tagħhom, Karlumanju, ġabar il-parti kbira tal-Ewropa taħt is-sovranità tiegħu u ġie nkurunat "Imperatur tal-Imqaddes Imperu Ruman " mill-Papa (Milied tat-800).

Il-fewdaliżmu Ewropew sar il-bażi tal-istabilità militari, politika u ekonomika. Il-Kristjaneżmu iffjorixxa permezz tal-protezzjoni ta' dawn il-mexxejja u permezz tat-twaqqif ta' komunitajiet reliġjużi u monasteri, ta' knejjes u pellegrinaġġi.

 
Il-manjifika Grand Place/Grote Markt ta' Brussell
 
Dħul tat-truppi Spanjoli taħt il-kmand ta' Alejandro Farnese f'Antwerp fi tmiem l-Assedju ta' Antwerp (17 ta' Awwissu 1585) waqt il-Gwerra tat-Tmenin Sena (23 ta' Mejju 1568-30 ta' Jannar 1648)

Ir-reġjun wara ingħaqad mal-Pajjiżi l-Baxxi, u hekk l-ewwel għadda taħt id-dominju tal-Borgonja imbagħad ta' Spanja, sakemm il-provinċji Protestanti iddikjaraw ruhhom indipendenti (ara Pajjiżi l-Baxxi). Wara ġiet il-ħakma Awstrijaka li bdiet mill-Paċi ta' Utrecht (1713), u xi għexieren ta' snin wara dik Franċiża taħt Napuljun.

 
Pittura tar-Rivoluzzjoni Belġjana tal-1830

Wara d-depożizzjoni ta' Napuljun, megħlub fil-Battalja ta' Waterloo fit-18 ta' Ġunju 1815, il-Belġju reġa' ngħaqad mal-provinċji tat-Tramuntana f'Renju tal-Pajjiżi Baxx sa meta, fl-1830, ir- Rivoluzzjoni Belġjana wasslet għat-twaqqif ta' stat indipendenti Belġjan (rikonoxxut fl-1839).

 
Episodju tar-Rivoluzzjoni Belġjana tal-1830, Gustaf Wappers
 
Ġlied bejn ir-ribelli Belġjani u l-ispedizzjoni militari Olandiża fi Brussell f'Settembru tal-1830

Ir-Re Belġjan, Leopoldu I ta' Sassonja-Koburgu, intgħażel bl-għajnuna tal-Brittaniċi. In-newtralità tal-pajjiż ġiet garantita kontra l-aggressjoni militari futura minn barra. Din in-newtralità ġiet miksura fl-1914, meta l-Ġermanja invadiet il-Belġju bħala parti mill-Pjan Schlieffen. Id-deċiżjoni Brittanika li tunura l-obbligi tagħha tat-trattat kif ukoll tal-Entente cordiale ma' Franza, spiċċat biex daħħlet ir-Renju Unit fl-Ewwel Gwerra Dinjija. Il-Belġju pprova jerġa' lura għan-newtralità fis-snin 30, iżda reġa' ġie invadut mill-Ġermanja fl-1940.

Wara it-Tieni Gwerra Dinjija il-politika ta' newtralità ġiet abbandunata, u l-Belġju ssieħeb fin-NATO u l-Komunità Ekonomika Ewropea.

 
L-aristokrazija fuq ix-xtajta Belġjana fis-seklu għoxrin

Il-Belġju kellu kolonja importanti fil-Afrika matul l-istorja tiegħu: Il-Konferenza ta' Berlin tal-1884/1885 tat il-Kongo lir-re Leopoldu II bħala proprjetà privata tiegħu u sejjaħlu l-Istat Ħieles tal-Kongo. Għalih l-Stat Ħieles kienet primarjament sors ta' dħul mill-avorju u l-lastiku u d-djamanti u il-popolazzjoni lokali kienet ittrattata bi ħruxija u salvaġġerija kbira. Minħabba l-importanza tal-kummerċ tad-djamanti, il-belt Belġjana ta' Antwerpen saret ċentru ta' fama dinjija f'dan is-settur. Fl-1908, il-pressjoni internazzjonali kontra l-ħruxija tar-Re Leopold tant saret qawwija li Leopoldu II kien imġiegħel jagħti l-proprjetà tiegħu lill-istat Belġjan bħala kolonja. Minn dakinhar l-Istat Ħieles tal-Kongo sar il-Kongo Belġjan sakemm kiseb l-indipendenza fl-1960.

L-involviment Belġjan barra l-pajjiż żdied wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, meta żewġ kolonji Ġermaniżi, l-Irwanda u l-Burundi, ġew fdati lill-Belġju mis-Soċjetà tan-Nazzjonijiet.

Mill-bidu tas-seklu XX l-istorja tal-Belġju kienet dejjem iżjed iddominata mill-awtonomija dejjem tikber taż-żewġ komunitajiet ewlenin tagħha, Fjamminga u Wallona. Biex jikkonferma dan, naraw li minn madwar 1970, ma baqgħux jeżistu partiti nazzjonali fil-Belġju, iżda biss partiti Fjammingi jew Walloni. It-tentattivi ripetuti biex jitwaqqfu partiti nazzjonali, ipproduċew r-riżultati, f'termini ta' voti, ta' inqas minn 1% tal-elettorat. Il-partiti ta' Brussell qatt ma qabdu (bħal fil-każ tal- "Blauwe Leeuwen" u tal-"Rode Leeuwen" tal-Fjammingi fi Brussell), jew ingħaqdu ma' wieħed mill-partiti liberali tal-komunità Frankofona (bħall-FDF). Għalhekk, ix-xena politika hi waħda ta' sistema tewmija li tirrifletti ż-żewġ komunitajiet dominanti li hemm. Wara l-elezzjonijiet parlamentari ta' Ġunju tal-2007 dawn il-firdiet politiċi marru għall-agħar, tant li kaxkru l-pajjiż fi kriżi kostituzzjonali partikolarment severa. F'Novembru 2007 kien hemm dimostrazzjoni popolari fi Brussell favur l-għaqda tal-pajjiż u kontra l-pjan biex jinbidel f'konfederazzjoni ta' stati awtonomi fuq bażi etno-lingwistika.

Ġeografija

immodifika

Morfoloġija

immodifika
 
Il-Belġu minn satellita

Il-Belġju jkopri erja ta' 30,510 km², u l-ikbar wisa' tiegħu (minn Ostend sa Arlon) hi ta' 318 km. Rigward il-fruntieri, il-fruntiera ma' Franza fiha 620 km, mal-Pajjiżi l-Baxxi fiha 450 km, dik mal-Ġermanja fiha 167 km, u fl-aħħar dik mal-Gran Dukat tal-Lussemburgu hi twila 148 km, b'tul totali ta' 1385 km. Il-pajjiż jinsab bejn 50º u 51º lat. Tramuntana u bejn 3º u 6 º lonġ. Lvant.

Il-Belġju jista' jinqasam fi tliet reġjuni fiżiċi ewlenin: il-pjanura tal-kosta, li tinsab fil-Majjistral, il-pjanuri ċentrali u r-reġjun bl-għoljiet tal-Ardennes, li jasal sax-Xlokk.

 
Reġjun tal-Lvant. Fuq il-fruntiera mal-Ġermanja l-art hi selvaġġi u mhux raba tajba

L-istrixxa tal-kosta, twila 66 km, hi baxxa u ramlija, ikkaratterizzata minn duni tar-ramel u polderijiet. Polder hu biċċa art qrib jew taħt il-livell tal-baħar, li ttieħdet mill-baħar u hi protetta minnu minn digi, jew, aktar il-ġewwa, għalqa li tnixxfet mill-ilma permezz ta' kanali artifiċjali.

Fl-intern insibu r-reġjun tal-pjanuri ċentrali. Din hi erja li titla bil-mod il-mod mingħajr qatt ma taqbeż l-għoli ta' 100m 'l fuq mil-livell tal-baħar, ikkaratterizzata minn widien fertili, irrigati minn xmajjar numerużi u minn kanali artifiċjali. 'L hemm u 'l hawn tista' niltaqgħu ma' żoni ftit eħrex, fejn hemm ukoll għerien u goli żgħar. Ir-reġjun tal-Ardennes, li essenzjalment jinfirex man-nofsinhar tas-sistema tal-wied Sambre-Meuse, mhux maħdum wisq. F'din ix-xahra għolja bil-blat fil-wiċċ u mhux tajba għall-biedja fil-kobor, ikkaratterizzata minn foresti xi mdaqqiet folti ħafna, id-densità tal-popolazzjoni hija ħafna inqas minn fl-erji tat-Tramuntana, u għalhekk iż-żona ġiet ikkonservazzjoni aħjar. L-ogħla punt insibuh fuq l-għoljiet tal-Ardennes: is-Signal de Botrange, li hu 694 metru għoli biss.

Idrografija

immodifika
 
Ix-xmara Sambre taqsam iċ-ċentru ta' Namur
 
Ix-xmara Dyle hekk kif tgħaddi minn Mechelen
 
Ix-xmara Rida fl-Vottem

Il-xita kontinwa u l-impermjabbilità tal-art jiżguraw li l-xmajjar Belġjani huma ġeneralment mimlijin ħafna bl-ilma, iżda kważi l-ebda waħda minnhom ma tibqa' fit-territorju tal-pajjiż għal kolox.

Il-partijiet tal-Belġju l-baxxi u ta' għoli medju jitfgħu l-ilmijiet tagħhom fl-iScheldt, xmara tipika tal-pjanura, ta' pendil baxx u passaġġ regolari. Għalkemm għandha l-bidu tagħha fi Franza u l-fomm fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-iScheldt hi x-xmara Belġjana per eccellenza fis-sens li permezz tal-friegħi tagħha l-ilma ta' kważi nofs it-territorju jiskolja fiha. Fin-nofsinhar, il-Meuse l-ewwel tħaffer widien fondi fil-pjanura għolja tal-Ardennes, u mbagħad tidħol f'gandott kbir lonġitudinali li jiltaqa' fl-ewwel parti mas-Sambre, l-unika fergħa importanti fuq ix-xellug; fuq il-lemin, jinżlu fiha mill-Ardennes bosta friegħi ftit jew wisq qosra.

Ix-xmajjar Belġjani huma kważi kollha navigabbli u għalhekk jikkostitwixxu rotot ta' komunikazzjoni importanti; huma magħqudin flimkien permezz ta' sistema kumplessa ta' kanali li tinfirex fuq tul totali ta' madwar 1,600 km navigabbli.

Il-klima hi tat-tip Atlantiku, ikkaratterizzata fuq il-kosta minn umdità għolja u varjazzjoni żgħira fit-temperatura. Fl-intern it-temperatura tinbidel iżjed u x-xtiewi huma eħrex. Ix-xita hi abbondati u regolari.

Il-Belġju jgawdi klima li b'kollox nistgħu insejħulha Atlantika; iżda sija għaliex l-art tidħol 'il ġewwa fil-kontinent, u sija minħabba l-pjanura għolja tal-Ardennes, hemm differenzi li jinħassu u jiddependu mill-altitudni u d-distanza mill-baħar. It-temperaturi medji jiżdiedu meta nersqu lejn il-kosta. It-temperatura sajfija medja hi ta' 25 °C, l-ogħla tax-xitwa hi ta' 7.2 °C, il-minimu u l-massimu annwali rrekordjati fl-imgħoddi huma: -30.1 °C e +37.8 °C.

Il-preċipitazzjoni hi nferxa sewwa max-xhur tas-sena, iżda s-sistema hi Oċeanika (bix-xita fl-istaġuni kollha imma l-iżjed fil-ħarifa) biss fuq il-kosta, waqt li fl-intern tal-pajjiż diġà tinħass l-influwenza tal-Ewropa kontinentali, b'iżjed xita fis-sajf.

Is-sistema tar-riħ turi l-influwenza dominanti tal-Atlantiku: f'kull staġun il-mases ta' arja oċeaniċi jinġabru fuq il-Belġju u jġiebu ħafna umdità. Mhuwiex rari, madankollu, ir-riħ mill-lvant, speċjalment fir-rebbiegħa, li jista' jġib fuq l-art għolja ġranet ċari, b'kesħa qawwija.

Flora u fawna

immodifika

L-oqsma bil-foresti tal-pjanuri u r-reġjuni bl-għoljiet huma komposti l-jżjed minn siġar latifolji bħal kwerċi (quercus), ulmi (ulmus), u fl-għoli iżjed siġar tal-fagu. Fil-qalba tal-Ardennes insibu minflok foresti ta' siġar koniferi u 'l hawn u 'l hemm xagħri u xagħri mistagħdra. Hemm għadd kbir ta' speċi ta' pjanti tal-fjuri bħal ġjaċinti, virgawreja, pervinka u diġitali. Il-fawna selvaġġa li tgħix l-iżjed fl-oqsma forestali, tinkludi l-volpi, it-tassu (meles meles), l-iskojjattlu (sciuridae), il-ballottra u l-martra (martes). Fir-reġjuni muntanjużi jgħixu ċ-ċingjali u ċ-ċriev.

Żoni protetti

immodifika
 
Sinjal fil-Park Nazzjonali

Billi għandu popolazzjoni densa, Il-pajjiż baqgħalu ftit oqsma li ma ntmessux mill-punto di vista naturalistiku. Il-protezzjoni titmexxa, b'mod frammentat, l-ewwelnett mill-istat, il-komunitajiet u r-reġjuni, imbagħad mill-provinċji u l-komuni, li jirrappreżentaw il-korpi amministrattivi responsabbli. Dawn jistgħu jagħmlu interventi b'mod awtonomu u indipendenti minn xulxin. Għalhekk l-organizzazzjonijiet privati għandhom sehem importanti ħafna fil-promozzjoni ta' azzjonijiet integrati għall-ħarsien tan-natura. Ftit minn dawn, fl-1952, ħolqu għaqda nazzjonali għall-ħarsien tan-natura, flimkien mal-Assoċjazzjoni tar-riservi naturali u ornitoloġiċi tal-Belġju u l-assoċjazzjoni Wielewaal.

 
Il-riżerva naturali privata ta' Zwin

B'kollox, iż-żona protetta hi żgħira ħafna, tlaħħaq biss madwar 2.8% tal-pajjiż, iżda fir-realtà ż-żoni attwalment protetti (dawk li jaqgħu taħt ir-riżervi naturali ta' proprjetà u tmexxija pubblika) jokkupaw ftit aktar minn 0.5%. Bħalissa fil-Belġju hemm 97 riżervi naturali u 3 riżervi forestali statali, filwaqt li hemm 263 "riżervi naturali awtorizzati" ta' proprjetà u tmexxija privata, li jistgħu jieħdu vantaġġ mis-sussidji li joffri l-gvern. Ir-riżervi privati huma ġeneralment iktar limitati fid-daqs għalkem ir-riżervi Belġjani ġeneralment m'humiex kbar. Il-Park Nazzjonali tal-Hautes-Fagnes Eifel biss, stabbilit fl-1984 fil-provinċja ta' Liège, fih erja vasta (67,850 ettaru) u varjetà akbar ta' terreni. L-ewwelnett, hemm il-foresta, li tkopri 50% tal-park, imbagħad xagħri mistagħdra, it-terren fluvjali tax-xmara Our u dak b'żewġ lagi artifiċjali ta' Robertville u Butgenbach. Fost ir-riżervi naturali dak ta' Zwin għandu importanza partikolari. Hemm żona niedja stabbilita fl-1952 b'inizjattiva privata (mill-Assoċjazzjoni tal-riżervi naturali u l-ornitoloġiċi), mifruxa fuq 150 ettaru, li 25 minnhom huma fil-territorju Olandiż. Dan huwa ambjent ta' interess kbir, magħmul l-iżjed minn pjanuri mtajnin, xagħri mistagħdra milħin u għadajjar, fejn jiskennu varjetà kbira ta' għasafar akwatiċi.

Il-popolazzjoni

immodifika

L-ewwel insedjamenti

immodifika

L-eqdem traċċi umani li nstabu fil-Belġju huma tal-bniedem Neanderthal. Il-fdalijiet tal-Paleoliku tat-tard u tan-Neolitiku li ġie warajh (sejbiet ta' Hesbaye u Hainaut) huma rari u żgħar. Bil-kuntrarju hemm sejbiet numerużi ta' abitazzjoni fuq l-arbli fil-Fjandri tal-punent u Brabant, li ppersistew sal-età tal-ħadid (kif juru s-siti arkeoloġiċi ta' Neckerspeel, Austruweel u Contich).

L-ivilupp demografiku u l-lingwi

immodifika
 
Il-lingwi u djaletti tal-Benelux

Hu magħruf fiż-żgur minħabba x-xhieda ta' Ġulju Ċesri, li xi razez Ċeltiċi fl-età storika kienu diġà f'mewġa wara l-oħra ħadu post in-nies indiġeni. Imbagħad l-immigrazzjoni minħabba l-konkwista Rumana illatinizzat kompletament ir-reġjun, u wara, meta xi tribujiet Ġermaniċi bdew jinvadu l-pjanuri tat-tramuntana, l-element Ċeltiku-Ruman skenn fl-artijiet għolja tan-nofsinhar, fejn seta' jżomm l-ilsien tiegħu. Minn din il-firxa antika fuq it-territorju Belġjan ta' żewġ popolazzjonijiet ta' nisel differenti ġejja d-dupliċità lingwistika li għadha tikkaratterizza l-abitanti tal-Belġju: fil-Fjandri, ir-reġjun tat-tramuntana tal-pajjiż, jitkellmu bil-Fjamming, varjanti tal-Olandiż waqt li fil-Wallonja, fil-Belġju tan-nofsinhar, jitkellmu bil-Franċiż (fil-fatt id-djalett qadim Wallun m'għadhux użat iżjed mill-popolazzjoni). Fil-Wallonja hemm wkoll minoranza ta' lsien Ġermaniż, li tikkonsisti f'madwar 70,000 rappreżentant, ikkonċentrati f'disa' komuni madwar il-bliet ta' Eupen u Sainth-Vith, fil-provinċja ta' Liege/Luik. Ir-reġjun ta' Brussell huwa uffiċjalment bilingwi, għalkemm is-sehem Frankofonu hu wisq ikbar.

Fl-1830, meta l-Belġju twaqqaf bħala stat indipendenti, il-popolazzjoni ammontat għal 3,785,000 abitant; fl-1914, lejliet il-gwerra, kien hemm 7,500,000 abitant: il-popolazzjoni tal-pajjiż irduppjat f'inqas minn seklu. Wara, minħabba l-gwerra, u fuq kollox minħabba li r-rata tat-twelid naqset bil-mod, iż-żieda kienet ferm iktar baxxa: fl-1947 l-abitanti laħqu t-8 miljuni u nofs u fl-1961 missu d-9 miljuni. Anki l-mortalità naqset bil-mod matul l-aħħar seklu u dan ippermetta li r-rata tat-twelid tibqa' ogħla mir-rata tal-mewt, però b'ħafna inqas. Ta' min jinnota madankollu, li storikament l-element Fjamming dejjem kien ogħla mill-element Wallun.

Xejriet demografiċi reċenti

immodifika
 
Tendenzi demografiċi (ikklikkja biex tkabbar)
 
Piramida tal-etajiet (f'eluf)

Mis-snin sittin ir-ritmu tat-tkabbir demografiku kien dejjem jonqos: fl-erbgħin sena ta' wara l-popolazzjoni Belġjana żdiedet ftit aktar minn miljun. Din iż-żieda seħħet l-iżjed fil-perjodu bejn l-1961 u l-1980, li matulha n-numru ta' reżidenti kważi laħaq l-10 miljuni, imbagħad żdiedu biss b'200,000 matul l-għoxrin sena ta' wara, bir-rati medji annwali qrib iż-żero. Din l-istażi demografika dehret l-iżjed fis-snin tmenin, li matulhom il-popolazzjoni żdiedet biss b'15,000: it-tnaqqis fir-rata tat-twelid fil-Belġju huwa fil-fatti marbut ma' tnaqqis sinifikanti fid-dħul ta' migranti minn barra, depressat mill-kriżi fis-settur tal-azzar, wieħed mill-opportunitajiet ta' impjieg ewlenin fil-pajjiż. Is-snin disgħin kienu, min-naħa l-oħra, karatterizzati minn żieda iktar sostnuta, li fil-bidu tas-seklu XXI wasslet għal popolazzjoni 'l fuq sewwa minn 10,200,000 ruħ (waqt li fl-aħħar tal-2007, il-popolazzjoni kienet ta' 10,585,000 abitant). Fil-bażi ta' din il-qalba ħafifa fit-tendenza hemm id-dħul tal-emigranti – stimulat mit-titjib fis-sitwazzjoni ekonomika – u l-fatt li r-rata tat-twelid reġghet bdiet tiela' : din tal-aħħar li kienet dejjem niżla minn wara l-gwerra, mit-tieni nofs tas-snin disgħin stabilizzat u mbagħad żdiedet ftit, u laħqet fl-2006, il-valur tal-11.5 ‰. Id-differenza dejjem tikber bejn mar-rata tal-mortalità ggarantit bilanċ naturali pożittiv u żieda żgħira.

Id-densità tal-popolazzjoni tal-Belġju, bi 345 abitant/km², hi t-tielet l-ogħla fl-Unjoni Ewropea (wara dik ta' Malta u l-Pajjiżi l-Baxxi). L-istruttura tal-età turi popolazzjoni li qed tixjieħ, mingħajr differenzi reġjonali kbar: il-grupp ta' età bejn il-15 u l-65 sena jirrappreżenta madwar 65.5% tat-total, filwaqt li dik taż-żgħażagħ taħt il-15-il sena jilħaq 17.5%, b'tendenza għal aktar tnaqqis. L-għomor mistenni ma juriex varjazzjonijiet reġjonali sinifikanti u kkalkulat li hu ta' 77 sena għall-irġiel u 82 għan-nisa.

Id-distribuzzjoni tal-popolazzjoni

immodifika
 
Antwerpen. Blokk tipiku urban

Id-distribuzzjoni tal-popolazzjoni turi ċertu diżomoġenjità spazjali, wirt ta' ġrajjiet storiċi u ekonomiċi li wasslu għal konċentrazzjoni demografika fiċ-ċentri ewlenin urbani u d-distretti minerarji u industrijali. Għalhekk hemm differenzi sinifikanti reġjonali.

Ir-reġjun Fjamming hu dak l-aktar popolat, b'58% tal-popolazzjoni totali (6,120,000 abitant) u densità ta' 447 abitant/km²; l-erji ewlenin tal-popolazzjoni huma fuq il-kosta, fosthom il-bliet ta' Antwerpen, Gent u Brugge, l-erja emerġenti ta' Kortrijk u l-pol Limburgiż. Fir-reġjun tal-Wallonja joqgħodu madwar terz tal-popolazzjoni totali (3,435,000), b'densità ħafna inqas minn dik Fjamminga (202 abitant km/²). Affettwat b'mod ċar mill-avvenimenti storiċi tal-popolament hemm il-wied Haine-Sambre-Meuse, b'żewġ agglomorati kbar li jikkorrispondu maż-żoni urbani ta' Liège u Charleroi. L-ikbar konċentrazzjoni demografika hi fir-reġjun urban ta' Brussell, li jinsab fiċ-ċentru ta' żona b'densità għolja ta' popolazzjoni, delimitata minn Antwerpen, Leuven, Nivelles u Gent. L-agglomerazzjoni Brusselliża taqbeż il-miljun abitant (1,031,000), kważi wieħed minn għaxra tal-popolazzjoni totali u għandha densità tipika tal-konċentrazzjonijiet urbani kbar, ogħla minn 6,200 abitant /km².

Urbanizzazzjoni u deurbanizzazzjoni

immodifika
 
Eżempju ta' dar rurali tradizzjonali

Ix-xibka urbana tal-Belġju hi folta ħafna, tmien bliet jaqbżu l-100 000 reżident u sittax għandhom popolazzjoni ta' bejn 50,000 u 100,000 abitant, waqt li hemm ħafna bliet żgħar b'popolazzjoni ta' anqas minn 5000 abitant. Wara l-kapitali Brussell (1,031,000 abitant), il-bliet prinċipali tal-pajjiż huma: Antwerpen (466,000 reżident), Gent (235,000) u Brugge (117,000) fir-reġjun Fjamming, Charleroi (201.000), Liège (189,000) u Namur (107,000 ) fil-Wallonja.

Il-grad ta' urbanizzazzjoni – bħala perċentwali tal-popolazzjoni li tgħix fl lokalitajiet urbani – fil-Belġju hu ta' intensità li m'għandu paragun fl-ebda pajjiż Ewropew ieħor, u hu hekk li jpoġġi r-Renju fl-ewwel postijiet fil-klassifika dinjija: il-perċentwal tela' sa ma laħaq, fin-nofs tas-snin disgħin, is-97%, fil-livelli ta' Singapor u ta' Ħong Kong. Fost it-tendenzi riċenti fl-urbanizzazzjoni hemm tnaqqis demografiku fiċ-ċentri urbani b'popolazzjoni ta' aktar minn 100,000 ruħ. F'dan il-proċess ta' deurbanizzazzjani li kien diġà beda tard fis-snin sebgħin, in-nies ippreferew soluzzjonijiet reżidenzjali tat-tip periurbani u marru joqgħodu fil-limiti taż-żoni rurali.

Konsegwentement, mis-snin tmenin, il-bliet ta' daqs medju, b'popolazzjoni ta' bejn 10,000 u 50,000 ruħ kibru relattivament, iżda kienu l-bliet aktar żgħar, speċjalment dawk fir-reġjun Fjamming, li wrew vitalità demografika kbira. Ġie osservat ukoll mis-snin disgħin li kien hemm irkupru demografiku – għalkemm modest f'termini assoluti – tal-insedjament tat-tip rurali, grazzi għax-xibka ta' trasport effiċjenti li għenet biex bosta ħaddiema li jaħdmu fil-bliet fl-industrija u fis-settur tas-servizzi jżommu jew jadottaw reżidenzi rurali. Speċifikament, hemm predominanza ta' djar rurali f'xi distretti tal-Fjandri tal-Punent, Limburgu, Brabant, Hainaut u Liège.

Karatteristiċi tal-migrazzjoni

immodifika

L-iżvillup demografiku li sar fil-Belġju wara t-Tieni Gwerra Dinjija ġab dħul konsistenti ta' ħaddiema barranin. L-importanza tal-fenomenu tidher ċar meta wieħed iqies il-perċentaġġ ta' reżidenti ta' nisel barrani fil-popolazzjoni totali (9.8%). Dan il-perċentaġġ huwa t-tielet l-ogħla fl-Ewropa.

Matul is-seklu 19 kollu u fl-ewwel għexieren tas-seklu 20, il-movimenti tal-emigrazzjoni u immigrazzjoni kienu modesti, b'iżjed ħruġ minn dħul. Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, però, l-immigrazzjoni bdiet taqbeż l-emigrazzjoni. Infatti ħafna ħaddiema ġew mill-pajjiżi ġirien biex jaħdmu fl-industriji u fil-minjieri. Fl-aħħar tas-snin sebgħin, in-numru totali ta' barranin fil-Belġju qabeż b'kemm kemm id-900,000. Fis-snin tmenin il-kriżi tal-azzar ġabet tnaqqis fl-immigrazzjoni. Fis-snin disgħin, minħabba li s-sitwazzjoni ekonomika ttejbet, kien hemm xi rkupru fl-immigrazzjoni, għalkemm ma kinetx kostanti.

Skont l-aħħar stimi, ir-reżidenti ta' nisel barrani se jaqbżu l-miljun. L-akbar komunitajiet se jkunu l-Marokkini (b'356,000 ruħ), imbagħad it-Taljani (253,000), it-Torok (167,000), il-Franċiżi (88,600) u l-Olandiżi (42,000). Ċittadin Belġjan fil-ħamsa għandu nisel mhux Belġjan, u żewġ miljun Belġjan għandhom immigranti fost l-antenati tagħhom[5].

Gruppi etniċi

immodifika

Fil-Belġju, l-argument etniku hu marbut profondament ma' dak lingwistiku u wassal għall-ħolqien ta' stat federali uniku fid-dinja tat-tip tiegħu. Fil-fatt, fil-pajjiż jitkellmu bi tliet lingwi li magħhom hi assoċjata l-eżistenza ta' tliet gruppi lingwistiċi: il-Fjammingi (ta' lingwa Olandiża fil-forma lokali tagħha msejħa Fjamming), il-Walluni (ta' lingwa Franċiża) u l-Ġermaniżi ta' lingwa Ġermaniża. Kull wieħed mit-tliet gruppi lingwistiċi ewlenin jissejjaħ Komunità, terminu li jikkorrispondi ma' suddiviżjoni kulturali amministrattiva fi ħdan l-istat federali, flimkien ma' suddiviżjoni ulterjuri tal-Federazzjoni fi tliet reġjuni, reġjuni li ma jaqblux eżatt mad-definizzjoni tal-komunitajiet deskritti. Fil-fatt, hu diffiċli ħafna li titħaddet fuq "grupp etniku" fil-każ tal-Belġju għax dan jista' jkun grupp lingwistiku permezz tal-pożizzjoni ġeografika u mhux grupp etniku.

Kull Komunità tieħu ħsieb l-edukazzjoni u l-kultural tan-nies li jitkellmu bil-lingwa tagħha li jgħixu f'żoni monolingwi u/jew bilingwi fit-territorju: il-Komunità Frankofona, il- Komunità Fjamminga u l-Komunità Ġermanofona tal-Belġju. Skond l-aħħar ċensiment lingwistiku – li sar fl-1990 [6] – aktar minn nofs il-popolazzjoni Belġjana hi ta' lingwa Olandiża (58.2%), filwaqt li l-Franċiż hu t-tieni lingwa (34.1% ), segwita mill-Ġermaniż li jitkellmuh inqas minn 1% tal-popolazzjoni. Il-bqija tal-popolazzjoni titkellem b'lingwi oħra (pereż. l-Għarbi, it-Taljan, il-Portugiż ...). Dawn huma immigranti li għadhom jitkellmu bl-ilsien nattiv tagħhom. [7].

Inħolqu tliet reġjuni fl-istat Belġjan għall-organizzazzjoni tal-ħajja ekonomika tal-komunitajiet u tal-belt kapitali, Brussell, li hi bilingwi (Franċiż-Olandiż). L-ewwel reġjun hu l-Fjandri, fejn il-lingwa uffiċjali hi l-Olandiż (fil-verżjoni Fjamminga). Dan ir-reġjun għaqqad l-organi amministrattivi tiegħu ma' dawk tal-Komunità Fjamminga b'sede governattiv wieħed fi Brussell. It-tieni hi reġjun hu l-Wallonja, fejn il-lingwa uffiċjali hi l-Franċiż. Fil-Wallonja tinsab ukoll il-Komunità ta' lingwa Ġermaniża konċentrata fiz-zoni tax-Xlokk u b'sede f'Eupen. Ir-reġjun tal-Wallonja għandu s-sede f'Namur, filwaqt li l-Komunità ta' lingwa Franċiża għandha sede fi Brussell.

It-tielet reġjun tal-Belġju hu r-reġjun ta' Bruxelles-Capital, fir-realtà enklavi bilingwi (Franċiż-Olandiż), li tinsab ġeografikament fir-reġjun tal-Fjandri. Madankollu, Brussell hi prinċipalment Frankofona (70% tal-popolazzjoni), u 10% mill-abitanti biss jitkellmu bl-Olandiż u mill-inqas 20% jitkellmu b'lingwa oħra; dawn huma immigranti li għadhom jitkellmu bil-lingwa nattiva tagħhom[8]. Dawn iċ-ċifri huma sorsi ta' kunflitt bejn il-Komunitajiet. Allura Brussell hi uffiċjalment bilingwi. Ir-reġjun ta' Brussell fih 19-il muniċipalità: Anderlecht, Auderghem, Berchem-Sainte-Agathe, Bruxelles, Etterbeek, Evere, Forest, Ganshoren, Ixelles, Jette, Koekelberg, Molenbeek-Saint-Jean, Saint-Gilles, Saint-Josse-ten-Noode, Schaerbeek, Uccle, Watermael-Boitsfort, Woluwe-Saint-Lambert u Woluwe-Saint-Pierre. Dak li s-soltu hu magħruf bħala Brussell fir-realtà hu wieħed mid-19-il muniċipalità (u l-kapitali) tal-reġjun amministrattiv imsejjaħ reġjun ta' Bruxelles-Capital. Biex nikkumplikaw l-affarijiet, Brussell hi wkoll il-belt kapitali tal-Belġju, il-kapitali reġjonali tal-Fjandri, il-kapitali tal-Komunità Frankofona tal-Belġju u l-kapitali tal-Unjoni Ewropea.

Reliġjon

immodifika
 
Abbatija ta' Cambron-Casteau

Il-Kattoliċeżmu huwa r-reliġjon ewlenija, iżda l-pajjiż għaddej minn proċess qawwi ta' sekularizzazzjoni. Fl-2010, 60% tal-popolazzjoni kienu jqisu ruħhom Kattoliċi, filwaqt li 87% tal-popolazzjoni kienu twieldu ġo familji Kattoliċi[9]. Fl-1980 kienu jqisu ruħhom Kattoliċi 72% tal-Belġjani, u dan il-perċentaġġ naqas għal 68% fl-1990 u għal 65% fl-2005. Hemm minoranzi ta' Misilmin, Protestanti u Lhud.

Ir-reliġjon kienet waħda mid-differenzi bejn in-nofsinhar Kattoliku u t-tramuntana Protestanta tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li wasslet għall-firda tan-nofsinhar, fl-1830, u għat-twelid tal-Belġju tal-lum. Dan jispjega wkoll in-numri prevalenti ta' Kattoliċi.

Mill-1830, il-Kattoliċeżmu kellu wkoll rwol importanti fil-politika Belġjana, pereżempju fl-hekk imsejħa "gwerer skolastiċi" ("guerres scolaires" bil-Franċiż) bejn il-liberali u l-Kattoliċi li kien hemm l-ewwel bejn l-1879 u l-1884 u mbagħad bejn l-1954 u l-1958.

Is-sistema politika

immodifika

Il-Belġju huwa monarkija kostituzzjonali federali fejn ir-Re huwa l-kap tal-istat u l-prim ministru huwa l-kap tal-gvern f’sistema multipartitarja. Is-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet mhumiex ċentralizzati, iżda maqsumin bejn 3 livelli ta’ gvern: il-gvern federali, 3 komunitajiet ibbażati fuq il-lingwa (Fjamminga, Franċiża u Ġermaniża) u 3 reġjuni (il-Fjandri, il-Kapitali ta’ Brussell u l-Vallonja). Legalment kollha huma ugwali, iżda għandhom setgħat u responsabbiltajiet għal oqsma differenti. Brussell, flimkien mal-belt tal-Lussemburgu u Strasburgu, hija waħda mit-tliet sedi uffiċjali tal-istituzzjonijiet Ewropej.[10]

Organizzazzjoni tal-istat

immodifika

Suddiviżjonijiet storiċi u amministrattivi

immodifika
It-tliet komunitajiet lingwistiċi u t-tliet reġjuni
 
Komunità fjamminga
 
Komunità frankofona
 
Komunità ġermanofona
 
Fjandri
 
Wallonja
 
Reġjun ta' Bruxelles-Capitale

Fl-14 ta' Lulju 1993 saret reviżjoni tal-Kostituzzjoni bil-ħolqien ta' Stat Federali bbażat fuq tliet livelli:

  • Il-gvern federali bis-sedi tiegħu fi Brussell
  • It-tliet komunitajiet lingwistiċi:
    • Il-komunità Frankofona
    • Il-komunità Fjamminga
    • Il-komunità Ġermanofona
  • Il-tliet reġjuni:
    • Ir-Reġjun ta' Bruxelles-Capitale (li għandu popolazzjoni li jitkellmu bil-Franċiż u l-Olandiż ta' madwar 960,000 ruħ)
    • Il-Fjandri (li għandhom popolazzjoni ta' madwar 6 miljuni prinċipalment jitkellmu bl-Olandiż
    • Il-Wallonja (li għandha popolazzjoni ta' 3.3 miljuni prinċipalment jitkellmu bil-Franċiż)

Kull wieħed mill-aħħar żewġ reġjuni hu maqsumin f'5 provinċji.

 
Mappa tal-Belġju bir-reġjuni u l-provinċji
  1. Il-Fjandri (ta' lingwa Olandiża; Vlaanderen bl-Olandiż, Flandre jew Flandres bil-Franċiż, Flandern bil-Ġermaniż):
    • Antwerpen
    • Limburgu
    • Oost-Vlaanderen
    • West-Vlaanderen
    • Vlaams-Brabant
  2. Il-Wallonja (ta' lingwa Franċiża, barra disa' muniċipalitajiet fil-parti tal-Lvant tal-provinċja ta' Liège li jagħmlu l-Komunità Ġermanofona; Wallonie bil-Franċiż, Wallonie bil-Fjamming, die Wallonie bil-Ġermaniż):
    • Brabant Wallon
    • Namur
    • Liège
    • Hainaut
    • Luxembourg
  3. Ir-Reġjun ta' Bruxelles-Capitale (Région de Bruxelles-Capitale bil-Franċiż, Brussels Hoofdstedelijk Gewest bl-Olandiż, die Region Brüssel-Hauptstadt bil-Ġermaniż).

Kull provinċja hi fl-aħħar maqsuma f'distretti amministrattivi u mbagħad f'muniċipalitajiet imsejħin communes bil-Franċiż u gemeenten bil-Fjamming. Ir-Reġjun ta' Bruxelles-Capitale hu magħmul minn distrett wieħed.

Bliet prinċipali

immodifika
 
Ghent
 
Ghent
 
Ghent
 
Ghent
 
Iċ-Ċittadella ta' Namur, bil-Meuse u l-Parlament tal-Vallonja fuq quddiem
Belt (bil-Franċiż) Belt (bl-Olandiż) Provinċja Popolazzjoni
Bruxelles Brussel Bruxelles-Capitale 1.031.215 (1)
Anvers Antwerpen Antwerpen 445.570
Gand Ġent Oost-Vlaanderen 224.685
Charleroi Charleroi Hainaut 200.233
Liège Luik Liège 184.550
Bruges Brugge West-Vlaanderen 117.321
Namur Namen Namur 106.557
Mons Bergen Hainaut 90.992
Louvain Leuven Vlaams-Brabant 89.185

(1) Rigward il-belt kapital, ngħatu l-popolazzjoni taż-żona urbana tagħha kollha, identifikabbli mar-reġjun Bruxelles-Capitale sħieħ. Fil-fatt, il-popolazzjoni tal-muniċipalità ta' Brussell-Belt waħida, (imsejħa Bruxelles-Ville, Brussel-Stad) tammonta għal 143,056 abitant. Fil-figura għall-popolazzjoni ta' Brussell fit-tabella huma magħdudin ukoll il-komuni ta' Anderlecht, Schaerbeek / Schaarbeek, Ixelles / Elsene eċċ., li jiffurmaw mal-belt kapital xibka urbana u għalhekk jistgħu jiġu assimilati.

Istituzzjonijiet

immodifika
 
Is-sedi tal-Parlament Federali Belġjan fi Brussell

Il-Belġju huwa monarkija kostituzzjonali u stat federali, li l-kap tal-istat tiegħu hu r-Re Albert II. Is-sistema politika tal-pajjiż hi bbażata fuq struttura konfederali kumplessa, imsaħħa bl-emendi kostituzzjonali tal-1993, proposti bl-għan li tiġi evitata l-firda finali bejn il-komunita Fjamminga u dik Walluna. Madankollu fadal residwu sostanzjali ta' tensjonijiet ta' natura politiko-ekonomika bejn iż-żewġ gruppi etniċi. Il-federaliżmu Belġjan hu bbażat fuq il-kunċett tal-"ekwipollenza tan-normi", fi kliem ieħor, il-gvern federali m'għandu l-ebda dritt li jmur kontra jew jinjora d-digrieti maħruġin mir-reġjuni konfederati.

Hemm Parlament Federali, maqsum f'żewġ kmamar: il-Kamra tar-Rappreżentanti u s-Senat.

Politika

immodifika
 
Il-membri tal-Benelux

Il-Belġju hu monarkija popolari u demokrazija parlamentari kostituzzjonali. Il-parlament federali bikamerali huwa magħmul minn Senat u Kamra tar-Rappreżentanti. L-ewwel waħda hi magħmula minn 40 politiku eletti direttament u 21 rappreżentant maħturin mit-tliet parlamenti tal-Komunità, 10 senaturi li huma co-opted u wlied ir-re, bħala senaturi bi dritt li fil-prattika ma jivvutawx. Il-150 rappreżentant tal-kamra jiġu eletti taħt sistema ta' vot proporzjonali minn 11-il distrett elettorali. Fil-Belġju hu obbligatorju li wieħed jivvota u għalhekk il-pajjiz għandu waħda mid-ogħla rati ta' parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet fid-dinja.[11].

Ir-Re (bħalissa Albertu II) huwa l-kap tal-istat, għalkemm bi prerogattivi limitati. Huwa jaħtar il-ministri, inkluż il-Prim Ministru, li jkollhom il-fiduċja tal-Kamra tar-Rappreżentanti biex jiffurmaw il-gvern federali.

In-numri tal-Ministri li jitkellmu bl-Olandiż u bil-Franċiż huma ndaqs kif inhu preskritt fil-kostituzzjoni (il-Prim Ministru ma jgħoddx).[12] Is-sistema ġudizzjarja hi bbażata fuq il-liġi ċivili u ġejja mill-kodiċi Napoleonika. L-ogħla qorti hu l-Qorti tal-Kassazzjoni u l-Qorti tal-Appell hu livell taħtu.

L-istituzzjonijiet politiċi tal-Belġju huma kumplessi; il-parti l-kbira tal-poter politiku huwa organizzat bil-ħsieb li l-komunitajiet kulturali ewlenin jkunu rappeżentati[13]. Minn madwar l-1970, il-partiti politiċi Belġjani importanti inqasmu f'komponenti distinti li jirrappreżentaw prinċipalment l-interessi politiċi u lingwistiċi ta' dawn il-komunitajiet[14]. Il-partiti ewlenin ta' kull Komunità, għalkemm qrib lejn iċ-ċentru politiku, jappartienu għal tliet gruppi ewlenin: Il-Liberali fil-lemin, il-Demokristjani fiċ-ċentru u s-Soċjalisti fix-xellug[15]. Xi partiti importanti oħra inħolqu tard fis-seklu li għadda, l-aktar madwar temi lingistiċi, nazzjonalisti, jew ambjentali u reċentement inħolqu oħrajn b 'xi għan liberali speċifiku[16].

 
Il-Prim Ministru Yves Leterme

Is-sensiela ta' gvernijiet Demokratiċi Kristjani ta' koalizzjoni mill-1958 inqatgħet fl-1999 waral-kriżi tad-dijossina, skandlu enormi tat-tniġġiż tal-ikel.[17] [18] [19]. "Koalizzjoni qawsalla" inħolqot minn sitt partijiet: il-Liberali, id-Demokratiċi Soċjali u l-Ħodor Fjammingi u Frankofoni[20]. Wara, ġiet iffurmata "koalizzjoni vjola" magħmula mil-Liberali u d-Demokratiċi Soċjali billi l-Ħodor kienu tilfu l-parti l-kbira tar-rappreżentanti fl-elezzjoni tal-2003[21]. Il-gvern immexxi mill-Prim Ministru Guy Verhofstadt mill-1999 sal-2007 rnexxielu jagħmel baġit bilanċjat, xi riformi tat-taxxa, riforma fis-suq tax-xogħol, għamel skeda għat-tneħħija gradwali tal-enerġija nukleari u ppropona leġiżlazzjoni għal prosekuzzjoni iżjed ħarxa fil-każ tad-delitti tal-gwerra u iżjed ħanina fil-każ tad-drogi ħfief. Naqqas ir-restrizzjonijiet kontra l-ewtanażja u l-legalizza ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess. Il-gvern kien favur diplomazija aktar attiva fl-Afrika [22] u kontra l-invażjoni tal-Iraq[23].

Il-koalizzjoni ta' Verhofstadt marret ħażin fl-elezzjoni ta' Ġunju 2007. Għal aktar minn sena, il-pajjiż kien fi kriżi politika[24]. Din il-kriżi kienet hekk serja li ħafna osservaturi ħasbu li l-Belġju se jinqasam fi tnejn[25][26][27]. Mill-21 ta' Diċembru 2007 sal-20 ta' Marzu 2008 it-tielet gvern temporanju ta' Verhofstadt kien fil-poter. Din il-koalizzjoni kienet magħmula mid-Demokristjani Fjammingi u Frankofoni, il-Liberali Fjammingi u Frankofoni flimkien mal-Partit Soċjalista Frankofona. Fl-20 ta' Marzu 2008, il-gvern il-ġdid immexxi mid-Demokristjan Fjamming Yves Leterme, ir-rebbieħ veru tal-elezzjonijiet federali ta' Ġunju tal-2007, ħa l-ġurament quddiem ir-re . Fil-15 ta' Lulju 2008 Leterme 2008 ħabbar ir-riżenja tal-kabinett lir-re, billi ma kien sar l-ebda progress fir-riformi kostituzzjonali[28]. F'Diċembru tal-2008 reġa' offra r-riżenja tiegħu lir-re wara l-kriżi finanzjarja marbuta mal-bejgħ tal-bank Fortis lil BNP Paribas [29]. Din id-darba r-riżenja tiegħu ġiet aċċettata u d-demokristjan Fjamming Herman Van Rompuy ħa l-ġurament bħala Prim Ministru fit-30 ta' Diċembru 2008[30].

Wara li Herman Van Rompuy ġie nnominat l-ewwel President tal-Kunsill Ewropew permanenti fid-19 ta' Novembru 2009, fil-25 ta' Novembru offra r-riżenja tal-gvern tiegħu lir-Re Albertu II. Ftit sigħat wara, gvern il-ġdid taħt il-Prim Ministru Yves Leterme ħa l-ġurament. Fit-22 ta' April 2010, Leterme reġa’ offra r-riżenja tal-kabinett tiegħu lir-re [31] wara li wieħed mill-partiti imseħbin fil-koalizzjoni, l-OpenVLD, irtira mill-gvern, u fis-26 ta' April 2010 ir-Re Albertu uffiċjalment aċċetta r-riżenja[32]. Fl-elezzjonijiet parlamentari fil-Belġju fit-13 ta' Ġunju 2010 in-nazzjonalisti Fjammingi, N-VA saru l-akbar partit fil-Fjandri, u l-Partit Soċjalista PS l-akbar partit fil-Wallonja[33]. Minn dakinhar il-Belġju kien immexxi mill-gvern proviżorju taħt Leterme waqt li qegħdin isiru negozjati għall-formazzjoni ta' gvern ġdid li bħalissa huma wieqfa. Sat-30 ta' Marzu 2011 il-Belġju waqqaf rekord dinji ġdid għaż-żmien li għadda mingħajr gvern uffiċjali (dan ir-rekord qabel kien waqqfu l-Iraq matul il-gwerra). Peress li dan iż-żmien qabeż sena sħiħa, qiegħed ikun hemm ħafna dubji dwar jekk il-gvern fil-post jistax jibqa' jeżisti u jwettaq biss ix-xogħol urġenti[34].

Il-Belġju fl-UE

immodifika

Hemm 21 membru tal-Parlament Ewropew mill-Belġju.[10]

Fil-Kunsill tal-UE, il-ministri nazzjonali jiltaqgħu b'mod regolari biex jadottaw il-liġijiet tal-UE u jikkoordinaw il-politiki. Il-laqgħat tal-Kunsill jattendu għalihom regolarment rappreżentanti mill-gvern Belġjan, skont il-qasam ta' politika li jkun qed jiġi indirizzat.[10]

Il-Kunsill tal-UE m’għandux persuna waħda permanenti bħala president (bħal pereżempju, il-Kummissjoni jew il-Parlament). Minflok, ix-xogħol jitmexxa mill-pajjiż li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill, li jinbidel kull sitt xhur.[10]

Matul dawn is-6 xhur, il-ministri mill-gvern ta’ dak il-pajjiż jippresiedu u jgħinu jiddeterminaw l-aġenda tal-laqgħat tal-Kunsill f’kull qasam ta’ politika, u jiffaċilitaw id-djalogu ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE.[10]

Dati tal-Presidenzi Belġjani:

Jan-Ġun 1958 | Jan-Ġun 1961 | Jan-Ġun 1964 | Jan-Ġun 1967 | Jan-Ġun 1970 | Jan-Ġun 1973 | Lul-Diċ 1977 | Jan-Ġun 1982 | Jan-Ġun 1987 | Lul-Diċ 1993 | Lul-Diċ 2001 | Lul-Diċ 2010

Il-Kummissarju nominat mill-Belġju għall-Kummissjoni Ewropea hu Didier Reynders, li hu responsabbli għall-Ġustizzja.[10]

Il-Kummissjoni hija rrappreżentata f’kull pajjiż tal-UE minn uffiċċju lokali, imsejjaħ “rappreżentanza”.[10]

Il-Belġju għandu 12-il rappreżentant fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dan il-korp konsultattiv – li jirrappreżenta lil dawk li jħaddmu, il-ħaddiema u gruppi oħra ta’ interess – huwa kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex ikun hemm idea aħjar tal-bidliet possibbli tas-sitwazzjonijiet soċjali u tax-xogħol fil-pajjiżi membri.[10]

Il-Belġju għandu 10-il rappreżentant fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, l-assemblea tal-UE ta' rappreżentanti reġjonali u lokali. Dan il-korp konsultattiv jiġi kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex jiżgura li dawn il-liġijiet iqisu l-perspettiva minn kull reġjun tal-UE.[10]

Il-Belġju jikkomunika wkoll mal-istituzzjonijiet tal-UE permezz tar-rappreżentanza permanenti tiegħu fi Brussell. Bħala l-“ambaxxata għall-UE” tal-Belġju, il-kompitu ewlieni tagħha huwa li tiżgura li l-interessi u l-politiki tal-pajjiż huma segwiti b’mod effettiv kemm jista’ jkun fl-UE.[10]

L-ammont li jħallas kull pajjiż tal-UE fil-baġit tal-UE huwa kkalkulat b’mod ġust, skont il-mezzi. Aktar ma tkun kbira l-ekonomija tal-pajjiż, aktar iħallas – u viċi versa. L-għan tal-baġit tal-UE mhuwiex li jipprova jqassam mill-ġdid il-ġid, iżda pjuttost jiffoka fuq il-ħtiġijiet tal-Ewropej b’mod ġenerali. [10]

Ċifri tal-2018 għall-Belġju[10]

  • Nefqa totali tal-UE fil-Belġju – € 8.514-il biljun (ekwivalenti għal 1.86% tal-ekonomija Belġjana)
  • Kontribuzzjoni totali għall-baġit tal-UE – € 3.840 biljun (ekwivalenti għal 0.84% tal-ekonomija Belġjana)

Il-flus imħallsa fil-baġit tal-UE mill-Belġju jgħinu biex jiġu ffinanzjati programmi u proġetti fil-pajjiżi kollha tal-UE - bħall-bini ta’ toroq, is-sussidjar ta’ riċerkaturi u l-ħarsien tal-ambjent.[10]

Ekonomija

immodifika

L-aktar setturi importanti tal-ekonomija tal-Belġju fl-2018 kienu l-amministrazzjoni pubblika, id-difiża, l-edukazzjoni, is-saħħa tal-bniedem u l-attivitajiet ta’ xogħol soċjali (22.1%), il-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, it-trasport, l-akkomodazzjoni u servizzi tal-ikel (19.4%) u l-industrija (16.7%).[10]

Il-kummerċ fi ħdan l-UE jammonta għal 73% tal-esportazzjonijiet tal-Belġju (il-Ġermanja 18%, Franza 14% u n-Netherlands 12%), filwaqt li barra mill-UE 5% jmorru fl-Istati Uniti u 2% fl-Indja u fiċ-Ċina.[10]

F’termini ta’ importazzjonijiet, 64% jiġu minn Stati Membri tal-UE (in-Netherlands 18%, il-Ġermanja 13% u Franza 9%), filwaqt li barra mill-UE 7% jiġu mill-Istati Uniti u 4% miċ-Ċina.[10]

Struttura ekonomika

immodifika
 
Marcinelle, kumpless tal-minjieri, fejn fl-1956 mietu 262 minatur

L-ekonomija Belġjana, minkejja xi nuqqasijiet strutturali, hija waħda mill-aktar avvanzati fl-Ewropa. L-iżvilupp tagħha huwa dovut għal varjetà ta' fatturi ġeografiċi u storiċi:

  • il-pożizzjoni ġeografika strateġika fiż-żona l-aktar ekonomikament dinamika tal-kontinent Ewropew;
  • ix-xibka komprensiva u effiċjenti ta' konnessjoniijiet bil-baħar, bix-xmajjar u bl-art, li għamlet possibbli l-livell għoli ta' integrazzjoni ekonomika mal-pajjiżi ġirien;
  • l-esperjenza kummerċjali tradizzjonali u stabbilita, li dejjem saqet l-ekonomija Belġjana lejn is-swieq internazzjonali, mgħejuna minn sistema ta' portijiet mill-aktar żviluppati fl-Ewropa;
  • it-tradizzjoni antika tas-snajja u industrijali ġejja mill-Medjuevu (it-tessuti tal-Fjandri, l-armeriji ta' Liege, il-neffieħa tal-ħġieġ ta' Charleroi).

L-industrija Belġjana, billi gawdit mill-preżenza ta' oqsma ta' faħam vasti, daħlet kmieni fl-industrijalizzazzjoni. Fil-fatt, fis-seklu 19, il-Belġju kienet fost l-ewwel pajjiżi li intlaħqu mir-Rivoluzzjoni Industrijali, billi sfruttaw il-faħam tal-Haine-Sambre-Meuse, il-faċilità ta' komunikazzjonijiet u d-disponibbiltà ta' ħaddiema abbundanti u kwalifikati.

Il-Belġju qiegħed fit-18-il post fl-Indiċi ta' Żvilupp Uman (2010) waqt li Malta qiegħda fit-33 post[35].

Trasport u rotot ta' komunikazzjoni

immodifika
 
Kanal navigabbli u bil-pont jitla'

Fis-seklu 19, il-Belġju kien fost il-pijunieri fl-iżvilupp tal-ferroviji u l-kumpanniji Belġjani pparteċipaw fin-nofs tal-Ewropa fil-kostruzzjoni u fit-tmexxija ta' linji ġodda. Kienet Belġjana wkoll il-kumpannija li mexxiet is-sevizz ta' ristoranti u sodod fuq it-treni fl-Ewropa, il-Compagnie Internationale des Wagons-Lits, mwaqqfa mill-Georges Nagelmackers.

Antwerp, li tinsab fuq l-iScheldt, 84 km mill-baħar, hija wieħed mill-portijiet l-iżjed traffikużi fid-dinja (it-tieni fl-Ewropa wara l-port ta' Rotterdam fil-qrib).

Il-xmajjar tal-Belġju huma konnessi permezz ta' sistema kumplessa ta' kanali li għandha tul totali ta' madwar 1,600 km navigabbli. Meta nżidu ma' dawn 152,250 km ta' toroq u 3,542 km ta' lini ferrovjarji insibu xibka tant estensiva li tagħmel il-Belġju l-pajjiż bl-ogħla densità ta' linji ta' komunikazzjoni fid-dinja.

L-ajruport prinċipali fil-pajjiż hu l-ajruport internazzjonali ta' Brussell.

Diskrepanzi reġjonali

immodifika

F'xenarju ekonomiku li fit-total hu pożittiv, jidhru diverġenzi reġjonali sinifikanti. Il-Wallonja, ir-reġjun tal-minjieri li kien industrijalizzat kmieni u kien il-mutur prinċipali tal-ekonomija Belġjana sas-snin sebgħin, sofriet kriżi profonda fis-settur tal-azzar u ffaċċat s-seklu 21 bil-ħtieġa li tirristruttura l-industrija, b'livell ta' żvilupp iktar baxx minn dak tal-pajjiżi ġirien u b'rata ta' qgħad għolja.

Ir-reġjun effiċjenti ta' Brussell hu metropoli kbira u moderna, kożmopolitana ħafna u mitfugħa b'mod qawwi fuq l-industrija tas-servizzi, li tibbenefika mill-Unjoni Ewropea u mill-globalizzazzjoni ekonomika, iżda li tidher imfixkla mid-daqs żgħir tat-territorju (inqas minn 1% tat-territorju Belġjan).

Bla dubju il-Fjandri bħalissa huma l-aqwa reġjun tal-pajjiż mill-punto di vista ekonomiku. Dawn igawdu mill-pożizzjoni ġeografika tagħhom, mill-infrastruttura ta' komunikazzjoni (is-sistema ta' portijiet Antwerp-Ghent-Zeebrugge, xibka tat-toroq integrata sewwa fid-direzzjonijiet prinċipali Ewropej tramuntana-nofsinhar u punent-lvant, xibka ferrovjarja żviluppata sew, l-Ajruport Internazzjonali ta' Brussell), minn ekonomija orjentata ħafna lejn l-esportazzjoni (madwar żewġ terzi tal-produzzjoni industrijali tal-Fjandri huma għall-esportazzjoni), minn ambjent soċjo-ekonomiku li jattira l-kapital barrani u minn struttura produttiva flessibli u teknoloġikament avvanzata.

Enerġija u riżorsi naturali

immodifika
 
Iċ-ċentrali termonukleari ta' Doel
 
Thorntonbank wind farm fuq il-kosta Belġjana, il-Baħar tat-Tramuntana. Il-fattur tal-pjanti tal-wind farms ivarja bejn 20 u 40%.

Storikament, il-faħam kien ir-riżors minerali prinċipali tal-Belġju. Dan jinsab fiż-żewġ widien prinċipali: il-minjieri ta' Haine-Sambre-Meuse, li m'għadhomx jintużaw mis-snin sittin billi inħlew ir-riżervi li jistgħu jiġu estratti faċilment, u dawk ta' Kempen, fejn baqa' xi attività żgħira ta' estrazzjoni. Matul is-seklu dsatax id-depożiti tal-ħadid u ż-żingu li jinsabu fil-wied ta' Sambre-Meuse kienu sfruttati intensivament, imma issa inħlew. Għall-kuntrarju il-minjieri tal-ġibs u tal-franka qrib Tournai, Mons u Liège, għadhom importanti. Dawn jipprovdu l-materjal lil industrija sinifikanti tas-siment. Hemm ukoll barrieri tal-irħam u depożiti ta' ramel użat fil-manufattura tal-ħġieġ, u tafal użat fil-produzzjoni tal-brikek u oġġetti taċ-ċeramika.

Ir-riżorsi tal-ilma huma kkonċentrati fin-nofsinhar tal-pajjiż. Il-parti l-kbira tax-xmajjar oriġinaw fl-Ardennes u jmorru lejn it-tramuntana. Is-sistema kumplessa ta' akwadotti, kanali u lagi artifiċjali tiżgura li d-distribuzzjoni ġeografika tar-riżorsi tal-ilma hija bilanċjata.

Iċ-ċentrali nukleari ta' Doel fil-provinċja ta' Antwerpen, is-sors ewlieni tal-elettriku, tipprovdi żewġ terzi mid-domanda nazzjonali. Il-bqija tad-domanda għall-enerġija jipprovduha iċ-ċentrali termoelettriċi u, parti minima iċ-ċentrali ġeotermiċi u idroelettriċi.

Settur tal-agrikoltura

immodifika
 
Għalqa bil-kittien fir-rebbiegħa

Bħal dik tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-agrikoltura Belġjana hi fil-parti l-kbira "artifiċjali" u tinħadem fuq raba' li oriġinarjament ma kinitx adatta għall-biedja, ħlief xi art tajba li tinsab fin-nofs tal-Belġju, u li saret siewja għall-agrikoltura biex xogħol tal-bniedem matul mijiet ta' snin, permezz tat-tinxif tal-polders, tat-tisħin artifiċjali tal-art u tal-isforzar tax-xtieli fis-serer.

Għalkemm hi pprattikata b'mod intensiv u bl-għajnuna tat-teknoloġija moderna, l-agrikoltura għandha sehem dejjem aktar jonqos fl-istruttura ekonomika Belġjana u tirrappreżenta biss 1% tal-PGD u timpjega biss 2% tal-ħaddiema. Anki l-erja agrikola qiegħda tonqos kuljum, u niżlet minn aktar minn 50% fis-snin sittin għal ftit aktar minn kwart tal-erja tal-pajjiż. Qiegħed jinbidel ukoll id-daqs medju tal-irziezet u ftit ftit l-irziezet żgħar qegħdin jgħibu u minflok qegħdin jiżviluppaw strutturi korporattivi li jistgħu jattiraw l-investimenti fil-makkinarju u t-teknoloġiji ġodda meħtieġa sabiex tiżdied il-produttività tal-art.

Il-Fjandri, li tradizjonalment huma agrikoli, għadhom l-aktar reġjun li għandu attività agrikola. Din l-attività tagħmel aktar minn żewġ terzi tal-valur miżjud totali tas-settur. Inqas minn terz jista' jiġi attribwit lill-Wallonja, filwaqt li l-kontribuzzjoni tal-reġjun ta' Brussell, m'għandniex xi ngħidu kważi ma teżistix.

L-ortikultura għandha post ta' importanza partikolari. Din hi pprattikat prinċipalment fil-Fjandri u tirrappreżenta kważi kwart tal-produzzjoni agrikola kollha. Fil-qasam tal-fjuri l-ażalji u l-begonji tal-Fjandri tal-Lvant huma famużi mad-dinja kollha. Il-prodotti l-importanti l-oħra huma l-pitravi, iċ-ċikwejra, il-kittien, iċ-ċereali u l-patata.

Madankollu t-trobbija tal-bhejjem (majjali, l-iżjed fil-Fjandri, u l-baqar għal-laħam u l-ħalib), hi l-qasam prinċipali fl-agrikoltura u tagħmel kważi żewġ terzi tal-valur totali. Is-sajd li jsir l-iżjed fl-iskolji tal-Baħar tat-Tramuntana mhuwiex importani wisq. Fl-aħħar għandha nsemmi l-forestrija li ssir prinċipalment fl-Ardennes u Kempen.

Settur tal-manifattura

immodifika
 
Raffinerija tax-Shell f'Hemmingstedt

Minkejja l-effetti negattivi tal-kriżi tal-azzar u d-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom fis-snin tmenin xi oqsma tradizzjonali (b'mod partikolari it-tessuti), il-Belġju bedu s-seklu 21 bħala pajjiż li għandu bażi industrijali b'saħħitha, li tokkupa iktar minn kwart tal-popolazzjoni attiva u tikkontribwixxi 25% tal-PGD u għandu indiċi tal-produttività li tiela' minkejja l-kriżi fil-bidu tal-aħħar għaxar snin.

 
Il-port ta' Zeebrügge

L-oqsma prinċipali tas-settur tal-manifattura, kemm f'termini ta' prodotti u kemm ta' mpjieg, huma l-ipproċessar tal-ikel, il-kimika u metallurġija. Huma importanti wkoll il-mekkanika (speċjalment il-kostruzzjoni tal-vaguni tal-ferrovija u l-assemblaġġ ta' karozzi barranin), il-petrokimika, l-elettronika u elettroteknika, it-tessuti u l-produzzjoni tal-karta. Ix-xogħol fl-injam u fil-ħġieġ (il-fabrika tal-kristall ta' Val Saint-Lambert hi magħrufa sewwa) għandu ċerta importanza u tradizzjoni antika.

X'uħud miċ-ċentri tal-manifattura ewlenin jinsabu f'żoni urbani kbar. L-aktar importanti hi l-agglomerazzjoni ta' Antwerp, li għandha struttura industrijali orjentata lejn setturi li jeħtieġu kapital intensiv kbir u huma marbutin mill-qrib mal-faċilitajiet tal-port (kimika elettronika, ikel). Ix-xogħol tal-ħaġar prezzjuż, tipiku għal din iż-żona hu żviluppat ħafna. It-tieni ċentru industrijali tal-Belġju hu r-reġjun metropolitan ta' Brussell, ibbażat prinċipalment fuq prodotti ta' konsum fil-wisa' u kontenut teknoloġiku għoli. L-istruttura tal-manifattura fl-inħawi ta' Ghent hi magħmula minn qalba antika ta' industrijalizzazzjoni ħafifa (fuq kollox tessuti) u iżjed reċenti ċentru kimiku u l-metallurġiku madwar il-faċilitajiet tal-port tagħha. Ir-reġjuni industrijali l-oħra tal-Belġju, li jinsabu barra ċ-ċentri urbani ewlenin, qegħdin fl-intern tal-Fjandri, b'mod partikolari fl-inħawi ta' Kortrijk li huma karatterizzati b'xibka densa integrata u flessibbli ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (tat-tessuti, għamara, prodotti tal-metall), u fil-Grigal, li għall-kuntrarju dejjem kellu industrija tqila u kapital li fil-parti l-kbira ġej minn barra (assemblaġġ tal-karozzi, kimika).

Settur tas-servizzi

immodifika
 
Is-sede tal-Bank Nazzjonali tal-Belġju

Bħal fil-pajjiżi żviluppati kollha, is-settur ekonomiku ewlieni tal-Belġju hu s-settur tas-servizzi, li jikkontribwixxi kważi tliet kwarti tal-impjiegi u tal-PGD. Is-servizzi privati (kummerċ, trasport u komunikazzjoni, servizzi finanzjarji u assigurazzjoni, kiri, attivitajiet professjonali) jaqbżu sewwa l-attivitajiet tal-amministrazzjoni pubblika, sintomu ta' struttura soċjo-ekonomika avvanzata.

Il-fergħa l-aktar importanti tas-settur tas-servizzi huwa l-kummerċ, li fl-aħħar tas-snin disgħin aktar milli rdoppja meta nqabbluh mal-bidu tas-snin tmenin u jagħti ftit inqas impjieg mill-qasam kollu tal-manifattura. Ta' min jinnota b'mod partikolari li l-kummerċ, speċjalment ma' barra, fl-ekonomija Belġjana, dejjem kien marbut mal-pożizzjoni ċentrali li jokkupa l-pajjiż fir-reġjun l-aktar għani tal-Ewropa u mal-iżvilupp eċċezzjonali tal-infrastruttura tat-trasport. Dawn il-kondizzjonijiet partikolari għamlu l-Belġju pajjiż b'ekonomija estremament miftuħa, li fl-bidu tas-seklu 21 sar l-għaxar qawwa kummerċjali tad-dinja, u kellu sehem ta' 3.2% mill-kummerċ dinji kollu.

L-oġġetti prinċipali ta' esportazzjoni huma l-makkinarju u t-tagħmir tat-trasport, il-prodotti kimiċi u l-farmaċewtiċi, il-ħaġar prezzjuż, it-tessuti u l-prodotti tal-ikel. Min-naħa l-oħra, it-tagħmir tat-trasport, il-karburanti, il-prodotti kimiċi, l-ikel u t-tessuti jagħmlu l-parti l-kbira tal-importazzjoni. Is-sħab kummerċjali ewlenin tal-Belġju huma pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (l-iżjed il-Ġermanja, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit), li jirrappreżentaw madwar żewġ terzi tal-esportazzjoni u aktar minn 70% tal-importazzjoni.

Il-żona ta' Brussell fiha l-akbar konċentrazzjoni ta' servizzi avvanzati minħabba s-sehem tagħha bħala l-belt kapitali nazzjonali u l-pożizzjoni tagħha f'salib it-toroq tar-relazzjonijiet internazzjonali. Hemm għandhom l-uffiċċji prinċipali tagħhom il-banek, il-kumpaniji ta' assigurazzjoni, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-organizzazzjonijiet supranazzjonali, il-laboratorji tar-riċerka u l-istituzzjonijiet akkademiċi. Fl-inħawi ta' Antwerpen insibu predominanza ta' servizzi li għandhom x'jaqsmu mal-attivitajiet tal-porti u l-importazzjoni-esportazzjoni. Fir-reġjun tal-Wallonja, id-dgħjufija tas-sistema industrijali u d-dipendenza storika fuq iċ-ċentri finanzjarji u politiċi fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet li jinsabu fil-belt kapitali, xekklu l-iżvilupp ta' settur tas-servizzi modern, li hawn hu magħmul prinċipalment mill-amministrazzjoni pubblika.

It-turiżmu mhux ta' min iħallih barra. Dan hu kkonċentrat essenzjalment fil-bliet tal-arti, iċ-ċentri tal-għum mal-kosta u fir-reġjuni bl-għoljiet tal-Ardennes.

Tradizzjonijiet

immodifika

Gastronomija

immodifika
 
Ristorant tipiku fil-Gran-Place/Grote Markt

Min-numru ta' stilel li kisbu r-ristoranti Belġjani matul is-snin mill-Gwida Michelin (għalkemm inqas fis-snin reċenti [36]) naraw li l-kċina Belġjana hi fost l-aqwa fl-Ewropa. Din kisbet dan is-suċċess billi interpretat mill-ġdid il-kċina tradizzjonali tal-ġirien Franċiżi b'mod oriġinali għal kollox, billi adattatha għall-prodotti tipiċi li joffri t-territorju tal-pajjiż. Il-kċina Belġjana fil-fatt għandha ħafna karatteristiċi reġjonali li joffru varjetà wiesgħa ta' riċetti u ingredjenti. Fost l-aqwa tal-arti kulinarja Belġjana insibu ċ-ċikkulata, il-birra, il-patata moqlija, il-famużi kbejjeċ ta' Brussell (kaboċċi taz-zokk) u l-wafels (bil-Fjamming) jew Gaufres (bil-Franċiż).

Ċikkulata

immodifika

Mal-Iżvizzera, il-Belġju hu l-pajjiż bl-aqwa t-tradizzjoni għall-produzzjoni taċ-ċikkulata fid-dinja. Dan għandu bħala xhieda l-fatt li l-marki Belġjani bħal Neuhaus, Cote d'Or, Leonidas u Godiva huma magħrufa u apprezzati kullimkien. Il-Belġjani għandhom wkoll l-unur li vvintaw il-pralines, ċikkulatini minn barra jqarmċu u minn ġewwa rotob. Fil-pajjiż hemm aktar minn 2000 ħanut li jispeċjalizza fil-bejgħ dan il-prodott, minn praline mimlija bil-pistaċċi, ġellewż jew frott, saċ-ċangaturi klassiċi kummerċjali.

Fil-Belgu jipproduċu aktar minn 601 tipi differenti ta' birra. Ħafna mill-birra kkunsmata fil-pajjiż tikkonsisti f'lager kummerċjali bħal Jupiler, Maes jew Stella Artois, imma huma wkoll popolari l-ales ukoll kummercali, imma eqreb lejn il-tradizzjoni Belġjana, bħal Leffe, Grimbergen, Hoegaarden u Affligem, li jappartienu kollha għal gruppi industrijali kbar.

L-aktar prestiġjużi huma l-prodotti artiġjanali tal-birreriji żgħar (hemm madwar 120 minnhom mal-pajjiż). Fosthom hemm it-Trappist magħmula mill-patrijiet, il-Lambic, speċjalità unika tal-Belġju bil-fermentazzjoni spontanja prodotta biss fiż-żona fil-Lbiċ ta' Brussell imsejħa Pajottenland u Deus, Brut des Flanders li hi prodotta mill-birrerija Brouwerij Bosteels ta' Buggenhout (belt żgħir ħdejn Mechelen, fit-tramuntana ta' Brussell) magħmula bl-istess teknika bħax-xampanja: fermentazzjoni fit-tank u “remuage” u “dégorgement”. Dawn il-prodotti eċċellenti jattiraw dilettanti madwar id-dinja.

Il-birra tintuża ħafna fil-preparazzjoni ta' riċetti bbażati fuq il-laħam u l-ħut (pereżempju l- maskli jissajru fil-birra) bħal ma jintuża l-inbid f'ħafna pajjiżi oħra.

Patata moqlija

immodifika

Il-Belġjani kburin ħafna bil-patata moqlija tipika li jsajru ("frieten" jew "frites"). Għaliha hemm xorta ta' venerazzjuni. Komuni ħafna il-kjoskijiet fit-toroq, fl-istazzjonijiet eċċ. Imsejħa "frituur" fil-Fjandri u "friterie" fil-Wallonja.

Bħala l-ewwel kors, il-Belġjani spiss jieklu l-minestra u soppa sħuna (passata tal-ħaxix). Partikolarment popolari huma pereżempju s-soppa tal-kaboċċi, krema u perżut nej u l-krema tal-piżelli, tal-kurrat u tar-rabarbru. Jieklu wkoll torti tipiċi mmelħa, li l-ingredjent bażiku tagħhom jista' jkun il-kbejjeċ ta' Brussell jew ħaxix ieħor.

Ħlewwiet

immodifika
 
Gaufre Liègeois - Gaufre ta' Liège

Għal dak li jirrigwarda d-deżerti, il-Belġjani spiss joffru l-ġobon (hemm ħafna kwalitajiet prodotti lokalment), wara l-ikla u qabel il-ħelu tradizzjonali, fil-manjiera tal-Franċiżi. Imma fost id-deżerti l-aktar famużi, għandhom il-wafels (bil-Fjamming) jew gaufres (bil-Franċiż), ċaldi rotob u sħan servuti pereżempju biċ-ċikkulata mdewba jew bil-krema u frawli. Fost it-torti l-aktar famużi għandhom waħda bil-lanġas u t-tuffieħ u zokkor tal-kannamieli, imma għaliha għandhom bosta riċetti skont it-tradizzjoni u l-festi. Iservu tipi differenti ta' deżerta fil-kolazzjon jew bħala ikla ħafifa, u mhux biss wara l-ikel. Il-Belġju għandu tradizzjoni importanti fil-produzzjoni tal-galettini u jispikka speċjalment f'dawk bil-butir u ħwawar

Pittura u skultura

immodifika

Nistgħu nitkellmu dwar l-arti Belġjana mill-1830 'l hawn, is-sena tar-rivoluzzjoni u l-indipendenza mill-Pajjiżi l-Baxxi. L-artisti nattivi tal-Belġju tas-sekli ta' qabel jaqgħu taħt l-arti Fjamminga

Fil-Belġju, fl-ewwel nofs tas-seklu 19 kien mifrux in-neoklassiċiżmu tat-tip Franċiż, u warajh fi ftit għexieren ta' snin, ġie r-Romantiċiżmu Pariġin. L-iSkola pajsaġġistika ta' Tervuren fetħet it-triq għall-"Impressjoniżmu" u l-"Fauviżmu Brabantin". Fil-bidu tas-seklu 20 stabbilew ruħhom l-espressjoniżmu, is-simboliżu u il-Modern Style.

Il-Belġju jista' jiftaħar b'ħafna artisti magħrufa mad-dinja kollha, fosthom Peter Paul Rubens, René Magritte, Jan van Eyck Pieter Bruegel il-kbir, Hans Memling, James Ensor, Paul Delvaux u Folon Jean-Michel.

René Magritte huwa x'aktarx l-artista Belġjan l-aktar famuż. Flimkien ma' Paul Delvaux, huwa r-rappreżentant ewlieni ta' l-istil surrealista. Fl-arti kontemporanja, ta' min ifakkar is-sehem li ħadu ż-żewġ artisti Belġjani Dotremont u Guillaume Corneille fil-formazzjoni tal-grupp espressjonista COBRA (mill-inizjali ta' Kopenħagen (Copenhague bil-Franċiż), Brussell, Amsterdam)[38]

Arkitettura

immodifika
 
Knisja fil-Forest (Franċiż) jew Vorst (Olandiż), stil Art Nouveau
 
Art Nouveau

Fl-arkitettura hu magħruf sew l-isem ta' Victor Horta, wieħed mill-ideaturi tal-arkitettura Art Nouveau, stil li kellu influwenza qawwija fuq l-istili arkitettoniċi tas-20.

Fil-Belġju hemm varjetà kbira ta' mużewijiet u wirjiet. Fost il-mużewijiet ewlenin hemm il-"Mużew Irjali tal-Belle Arti" f'Antwerpen, li għandu ġabra ta' min jammiraha ta' xogħlijiet ta' Peter Paul Rubens, u l-"Mużew Irjali tal-Belle Arti tal-Belġju" fi Brussell, li fih ċinema, sala tal-kunċerti, u xogħlijiet minn perjodi differenti.

Letteratura

immodifika

Il-letteratura Belġjana Fjamminga bdiet mar-rebħa tal-indipendenza, li iffavoriet il-firxa ta' romantiċizmu magħmul minn taħlita ta' nazzjonaliżmu u provinċjaliżmu li mit-temi tagħhom il-kittieba ħadu elementi soċjali u psikoloġiċi biex jistudjawhom u jifluhom. Lejn l-aħħar tas-seklu dsatax, il-letteratura Belġjana kienet influwenzata mil-letteratura Ġermaniża u l-letteratura Olandiża. Iċ-ċentru tagħha kien ir-rivista ambizzjuża u innovattiva, van Nu en Straks ("Illum u Għada") li twaqqfet fl-1893.

Fl-istess snin bdiet tikber il-letteratura bl-ilsien Franċiż, li ċ-ċentru tagħha kien ir-rivista Jeune Belgique ("Belġju Żagħżugħ"), imwaqqfa minn Max Waller fl-1881. Minn dak il-mument il-letteratura bil-lingwa Franċiża bdiet tassorbi l-innovazzjonijiet kollha introdotti fi Franza, ibda minn naturaliżmu, bit-temi soċjali u psikoloġiċi tiegħu.

Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija u bejn iż-żewġ gwerer il-poeżija Belġjana saret aktarx Dadaista u espressjonista, waqt li l-letteratura Fjamminga resqet dejjem iżjed qrib lejn dik Olandiża.

Fost il-kittieba l-iżjed magħrufa insibu il-Frankofoni Nathalie Gassel, Maurice Maeterlinck, Amélie Nothomb u Georges Simenon, flimkien ma' Henri Michaux, li kien kittieb u pittur. Il-kittieba kbira Franċiża Marguerite Yourcenar kellha ommha Belġjana. Fost il-kittieba bl-Olandiż hemm Willem Elsschot, Hugo Claus Jef Geeraerts Tom Lanoye Herman Brusselmans u Kristien Hemmerechts.

 
Opera Rjali (Opéra Royel), Liège

F'dak li jirrigwarda t-teatru bl-ilsien Franċiż, waqt li fir-Rinaxximent kienet moda t-traġedja, fis-seklu 17 l-iżjed li kien hemm kienu rappreżentazzjonijiet imtellgħin mill-Ġiżwiti bbażati fuq temi reliġjużi, u kien is-seklu 19 li ra l-ewwel tentattivi biex jinħoloq teatru nazzjonali bbażat fuq id-drammmi storiċi. Kienu x-xogħlijiet ta' Maurice Maeterlinck biss fit-teatru Belġjan li laħqu dimensjoni internazzjonali.

It-teatru bl-ilsien Fjamming, kellu evoluzzjoni ftit differenti. Fil-Medju Evu kieu mferrxin ħafna id-drammi fuq ir-rumanzi u rappreżentazzjonijiet sagri ta' mirakli. Matul ir-Rinaxximent l-awturi klassiċi kienu jippredominaw u fis-seklu 19 il-moviment teatrali kollu rċieva spinta qawwija kemm fl-organizzazzjoni u kemm fir-realizzazzjoni.

Antwerpen u Brussell fis-Seklu XV kienu diġà saru ċentri mużikali importanti u ffjorixxew fl-iżvilupp tal-mużika polifonika u l-kontropuntistika, mgħallma mill-Akkademja tal-Mużika. Matul dan il-perijodu, dehru bosta artisti, fosthom Joaquim Déspres.

Fis-sekli li jmiss fuq l-art Belġjana ġew ipperfezzjonati l-kompożizzjoni sagra u l-motett għall-kor doppju maħluq minn Henri Dumont fis-Seklu XVII.

Adolphe Sax hu magħruf għall-invenzjoni tas-sassofonu fl-1841.

Fis-seklu XX il-kompożituri Belġjana żviluppaw il-mużika dodekafonika, elettronika u l-mużika ħafifa.

Jacques Brel huwa l-kantawtur Belġjan l-aktar magħrufa. Django Reinhardt u Toots Thielemans huma fost dawk li kkontribwew għall-fama tal-ġazz fil-Belġju.

Fil-mużika kummerċjali/alternattiva insibu xi artisti importanti, l-iżjed il-Hooverphonic mill-provinċja ta' Antwerpen, awturi ta' xi albums ta' fama internazzjonali. Il-leader tagħhom, Alex Callier, huwa wkoll kompożitur u produttur importanti ta' livell dinji. Id-dEUS, l-Ancient Rites, l-Ocean of Sadness, is- SoulWax u l-K's Choice huma gruppi Belġjani oħra li laħqu ċerta fama internazzjonali.

Il-Belġju hu rappreżentat tajjeb fid-dinja tal-isport. L-isport nazzjonali huwa ċ-ċikliżmu, li fih il-pajjiż għandu r-rekord għall-kampjonati tad-dinja fit-triq (xi 25 midalja tad-deheb). Fil-Belġju jiġu organizzati xi wħud mit-tlielaq klassiċi l-iżjed impotranti taċ-ċikliżmu bħar-Ronde van Vlaanderen, il-Flèche Wallonne u l-Liège-Bastogne-Liège. Eddy Merckx, wieħed mill-aqwa ċiklisti li qatt kien hemm, hu Belġjan. Dan rebaħ it-Tour de France ħames darbiet, il-Giro d'Italia ħames darbiet, il-Vuelta a España darba, tliet Kampjonati tad-Dinja, żewġ tours tal-Belġju u t-Tour tal-Isvizzera. Tom Boonen, ċiklista kbir ieħor Belġjan, rebaħ it-titlu tad-dinja fl-2005, u Philippe Gilbert, fl-2011 rebaħ it-trittiku tal-Ardennes: Amstel Gold Race, Flèche Wallonne, Liège -Bastogne-Liège.

Il-futbol hu popolari ħafna. It-tim nazzjonali tal-futbol li għandu l-laqam ta' "Rode Duivels" (jiġifieri x-xjaten ħomor) kien it-tielet fil-Kampjonati Ewropej tal-1972, it-tieni f'dawk tal-1980 u r-raba' fit-Tazza tad-Dinja tal-1986. Bħalissa jokkupa l-it-62 pożizzjoni fil-klasifika tal-FIFA ta' April tal-2011 (mis-sit tal-FIFA). Din il-pożizzjoni tirrappreżenta waqa' vertikali mill-2002, meta kien għadu jokkupa s-16 il-post fil-klassifika. It-tim beda jmur lura fl-2004, u dan deher ċar fl-2006, meta għall-ewwel darba f'28 sena, il-Belġju ma daħalx fit-Tazza tad-Dinja. It-tim nazzjonali tal-futbol Belġjan ma kkwalifikax għall-Euro 2008 u lanqas għat-Tazza tad-Dinja fl-2010.

Il-Belġju kellu wkoll żewġ champions nisa tat-tennis, il-Fjamminga Kim Clijsters u l-Wallona Justine Henin, Fl-atletika il-Belġjani kellhom bosta nies importanti, fosthom Kim Gevaert u t-tewmin Kevin Borlée u Jonathan Borlée fil-ġiri, u Tia Hellebaut fil-high jump. Kellhom wkoll ċampjins tad-dinja fil-Motocross, (Roger De Coster, Robert Joel Everts Stefen Georges Jobe). Fl-awtomobiliżmu Jacky Ickx, meqjus minn ħafna bħala l-aqwa sewwieq Belġjan li qatt kien hemm, għal naqra ma rebaħx il-Kampjonat Dinji tal-Formula 1 fl-1969 u fl-1970. Kellhom ukoll lil Thierry Boutsen u Bertrand Gachot. Fit-table tennis kellhom lil Jean-Michel Saiveu David Waefelaer u fil-Ġudo Ingrid Berghmans, li ħadet midalja tad-deheb, fil-Kampjonat tad-Dinja fl-1984.

Referenzi

immodifika
  1. ^ CIA (ed.). "Government type: Belgium". The World Factbook. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-02-07. Miġbur 2013-08-18. Parametru mhux magħruf |aċċessdata= injorat (għajnuna)
  2. ^ Statistiċi tal-Belġju, ed. (1 ta' Jannar 2012). "Population statistics". Parametru mhux magħruf |aċċessdata= injorat (għajnuna); Iċċekkja l-valuri tad-data f': |data= (għajnuna)
  3. ^ a b ċ d International Monetary Fund (ed.). "Belġju". Parametru mhux magħruf |aċċessdata= injorat (għajnuna)
  4. ^ Ġnus Magħquda (ed.). "Human Development Report 2011" (PDF). Parametru mhux magħruf |aċċessdata= injorat (għajnuna)
  5. ^ [1] Bladi.net, "Record historique d'immigrés en Belgique"
  6. ^ [2]
  7. ^ "Archive copy". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-12-14. Miġbur 2011-08-28.Manutenzjoni CS1: kopja arkivjata bħala titlu (link)
  8. ^ [3] Trésor de la langue française, Università di Laval, Québec
  9. ^ [4] Le Soir, "Un catholique sur trois a renoncé à sa foi" (Kattoliku fi tlieta jirrinunzja l-fidi tiegħu)
  10. ^ a b ċ d e f ġ g h ħ i ie j k l europa.eu, Belġju
  11. ^ Rafael López Pintor, Maria Gratschew, Voter Turnout Rates from a Comparative Perspective, 2002, International Institute for Democracy and Electoral Assistance, [5]
  12. ^ Il-Kostituzzjoni Belgjana – Artiklu 99, Jannar 2009 [6]
  13. ^ Il-Belġju, stat federali [7]
  14. ^ [8]
  15. ^ Il-Belġju – Il-partiti politiċi [9]
  16. ^ Background Note: Belgium, U.S. Department of States, 29 ta' April 2010 [10]
  17. ^ Tyler, Richard, Dioxin contamination scandal hits Belgium: Effects spread through European Union and beyond, World Socialist Web Site (WSWS), 8 ta' Ġunju 1999 [11]
  18. ^ ElAmin, Ahmed, Belgium, Netherlands meat sectors face dioxin crisis [12], 31 ta' Jannar 2006
  19. ^ Il-Kummissjoni Ewropea, Food Law News—EU : CONTAMINANTS—Commission Press Release (IP/99/399) Preliminary results of EU-inspection to Belgium 16 ta' Ġunju 1999 [13]
  20. ^ Belgium's "rainbow" coalition sworn in, Aħbarijiet tal-BBC, 12 ta' Lulju 1999 [14]
  21. ^ La Chambre des représentants—Composition, 9 ta' Marzu 2006 [15]
  22. ^ Rwanda, [16]
  23. ^ Belgian demand halts NATO progress, CNN News, 16 ta' Frar 2003, [17]
  24. ^ Il-Belġju mingħajr gvern għal mitt jum, Aħbarijiet tal-BBC, Settembru 2007
  25. ^ Divisions could lead to a partition in Belgium, Bryant, Elizabeth, San Francisco Chronicle, 12 ta' Ottubru, 2007 [18]
  26. ^ Where now for Belgium?, Dominic Hughes, BBC News Online, 18 ta' Lulju 15, 2008 [19]
  27. ^ Fears over 'break up' of Belgium, Banks, Martin, Daily Telegraph, 6 ta' Settembru 2010 [20]
  28. ^ Il-PM Belġjan joffri r-riżenja tiegħu, Aħbarijiet tal-BBC, 15 ta' Lulju 2008 [21]
  29. ^ "Il-Prim Ministru Belġjan joffri r-riżenja tiegħu fuq bejgħ bankarju". CNN.com
  30. ^ Ir-Re Belġjan jitlob lill Van Rompuy biex jifforma l-gvern. [22] Reuters
  31. ^ Il-Prim Ministru Leterme jirriżenja wara li l-liberali jħallu l-gvern, 22 ta' April, 2010, France24 [23]
  32. ^ Ir-Re Albertu II jaċċetta r-riżenja tal-Prim Ministru Yves Leterme, France24 [24]
  33. ^ Elezzjonijiet Federali fil-Belġju – Riżultati tal-Kamra tar-Rappreżentanti [25]
  34. ^ Il-Belġju jaqbeż sena mill-elezzjonijiet mingħajr gvern Aħbarijiet tal-BBC, 6 ta' Ġunju, 2011 [26]
  35. ^ [27]
  36. ^ [28] Le Soir, "Un Michelin sans surprise"
  37. ^ [29] Ħafna mill-informazzjoni f'din it-taqsima hi meħuda minnn dan is-sit
  38. ^ [30] Encyclopaedia Britannica

Ħoloq esterni

immodifika